Ferrovija tibqa’ dieħla f’oħra fl-Istati Uniti

Minn tal-inqas tnejn mietu u 116 ieħor indarbu meta ferrovija tan-nies baqgħet dieħla f’oħra tal-merkanzija f’South Carolina, fl-Istati Uniti.
Dawk li ġew ikkonfermati mejta sa issa huma t-tnejn mill-istaff tal-ferovija tal-kumpanija Amtrak li kienet qed iġġorr lin-nies.
Sadanittant il-Gvernatur ta’ South Carolina, Henry McMaster, qal li dan l-inċident għandu jiġbed widnejn l-awtoritajiet u jqanqal diskussjoni nazzjonali dwar is-sigurtà fuq il-linji tal-ferrovija fl-Istati Uniti.
Dan għaliex dan kien it-tieni inċident f’temp ta’ ftit jiem, hekk kif erbat ijiem ilu sewwieq ta’ trakk tilef ħajtu meta l-vettura li kien qed isuq ħabtet ma’ ferrovija f’Virginia.
Il-ħabta bejn iż-żewġ ferroviji f’South Carolina seħħet għall-ħabta tas-2.35pm, ħin Amerikan, fil-belt ta’ Cayce.
Il-ferrovija bin-nies kienet sejra minn New York għal Miami, meta laqtet il-ferrovija tal-merkanzija operata minn CSX, li kkawżalha biex tiżvija mir-rotta.
Il-ferrovija merkantili kienet wieqfa fuq il-linji tagħha, u ma kien hemm ħadd fiha. Minħabba l-impatt intilfu 22,000 litru ta’ fjuwil minn dil-ferrovija.
Il-gvernatur qal li l-ferrovija tan-nies ma kinitx għaddejja fuq il-linji li sippost kienet għaddejja fuqhom fil-ħin tal-inċident.
Uffiċjali tal-emerġenza qalu li minn dawk il-midruba hemm min sofra minn grif żgħir sa ksur fil-għadam.