Read in English.
Jonathan Ferris u Maria Efimova qed jiġu akkużati b’ġurament falz meta xehdu quddiem l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant. Iżda l-każ reġa’ ġie riferut lir-Reġistratur tal-Qorti peress li l-Maġistrat Joe Mifsud, li quddiemu kellu jinstema’ l-każ iddeċieda li jirrekuża ruħu.
Efimova ma kinitx notifikata dwar il-każ peress li ma setax isir kuntatt magħha.
Ir-reazzjoni ta’ Joseph Muscat
Sadanittant l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wera s-sodisfazzjon tiegħu li bdew proċeduri wara sentejn u wera t-tama li jinstab min kien wara l-każ. Huwa ħabbar ukoll li l-Avukat Pawlu Lia se jkun qed jirrappreżenta lilu u lil martu bħala avukat parte civile.
Il-Maġistrat Mifsud irrekuża ruħu peress li huwa qiegħed jippresiedi każ ieħor fejn Efimova qed tiġi akkużata li għamlet akkużi foloz kontra s-Supretendent Denis Theuma u l-Ispetturi Jonathan Ferris u Lara Butters.
Ir-reazzjoni ta’ Maria Efimova
Maria Efimova kitbet fuq Facebook li minflok ma tawha status ta’ whistleblower, l-awtoritajiet Maltin ħarġu mandat ta’ arrest ieħor fil-konfront tagħha. Hi qalet li Malta diġà saret iċ-ċajta tal-Ewropa minħabba l-prattiċi korrotti li jiddominawha.
Appellat lill-Maltin biex jieħdu r-riedni u jwaqqfu lin-nies li jridu jirrovinaw ir-reputazzjoni ta’ Malta.
X’qal ir-rapport tal-inkjesta
Kien Joseph Muscat, dakinhar Prim Ministru, li talab li ssir inkjesta wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-kumpanija Egrant kienet ta’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru. Din il-kumpanija bbażata fil-Panama kienet waħda mit-tliet kumpaniji sigrieti li kixfet Caruana Galizia. It-tnejn l-oħra kienu ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Efimova tqieset bħala dik li kixfet li Michelle Muscat kienet is-sid ta’ Egrant. Efimova qalet li rat dokumenti fil-fajls ta’ Pilatus Bank fejn kienet taħdem.
L-inkjesta li tmexxiet mill-Maġistrat Aaron Bugeja (illum Imħallef) ma sabet l-ebda prova li turi li Egrant kienet ta’ Michelle Muscat.
Johnathan Ferris kien spettur tal-pulizija u aktar tard manager mal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU). Hu kien qal lill-inkjesta li kien hemm tranżazzjoni ta’ $600,000 li għaddiet minn persuna mill-Ażerbajġan li kienet esposta politikament għal kumpanija Buttardi li s-sid tagħha kienet persuna ħabiba ħafna ta’ Michelle Muscat. L-esperti forensiċi li qabbad il-maġistrat ma sabu l-ebda traċċa ta’ din it-tranżazzjoni.