Ferris tkeċċa għax ma laħaqx il-miri tagħna – FIAU

L-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-flus (FIAU) qalet li l-eksimpjegat tagħha Jonathan Ferris tkeċċa peress li ma laħaqx l-aspettattivi tagħha.
Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Bord tal-Governanza tal-FIAU qal li normalment, l-FIAU ma tagħtix ir-raġunijiet għaliex impjegat ikun tkeċċa, peress li tirrispetta l-kunfidenzjalità tagħhom.
Madanakollu, qal li fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-Bord ħass il-ħtieġa li jirribatti għal ċertu allegazzjonijiet li qed isiru.
L-FIAU ċaħdet kategorikament li t-tkeċċija ta’ Ferris kellha xi mottivi politiċi, diskriminazzjoni, jew li saret biex jitwaqqaf milli jwettaq dmirijietu.
L-Aġenzija ċaħdet ukoll li kien hemm xi ndħil mill-Gvern, politiċi, jew uffiċjali ministerjali b’rabtai mat-tkeċċija tiegħu.
L-FIAU temmet tgħid li “l-allegazzjonijiet u l-ispekulazzjoni irresponsabbli dwarha qed jikkawżaw ħsara inkalkulabbli lill-aġenzija kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta u li dan iservi biss biex tiġi imminata l-kapaċità biex l-FIAU twettaq il-ħidma tagħha kontra l-ħasil tal-flus, il-kriminalità u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Fil-jiem li għaddew Ferris kien semma li tkeċċa mill-FIAU peress li kien qed jinvestiga l-istat wisq fil-fond.
The Times ta’ Londra kkwotat lil Ferris jgħid li l-Avukat Ġenerali qed jiġġieled biex il-każ tiegħu fil-Qorti jinstema’ fil-magħluq. Stqarr li qed isir sforz biex l-evidenza lanqas biss tiġi ppreżentata u li l-affidavit tiegħu jitneħħa mill-atti tal-kawża għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali.