“Ferris ħaqqu protezzjoni tal-Forzi tal-Ordni mhux biss tal-liġi”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni  Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, għandu jġorr ir-responsabbiltà għas-sigurtà tal-eksuffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-ħasil tal-Flus (FIAU), Jonathan Ferris.
Delia żied jgħid waqt konferenza tal-aħbarijiet li skontu f’Malta bħalissa l-kriminalità qed tikkmanda, u li wieħed irid jieħu l-każ ta’ Ferris fil-kuntest ta’ pajjiż fejn meta jinqatel xi ħadd qatt ma jinstab il-qattiel.
F’ittra lill-Prim Ministru, Delia llum enfasizza li Ferris, familtu u l-proprjetà tiegħu mhux biss ħaqqhom il-protezzjoni tal-liġi, imma anki tal-forzi tal-ordni.
It-talba ta’ protezzjoni ssegwi dik li l-istess Kap tal-Oppożizzjoni għamel ilbieraħ, meta talab li l-Ministru Carmelo Abela jirriżenja.
Il-PN talbu jagħmel hekk għax Ferris fl-aħħar jiem żvela li meta kien jaħdem mal-Pulizija, il-Ministru ndaħal direttament fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’każ separat.
Min-naħa tiegħu Abela ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina, u qal li meta pprova jikseb informazzjoni mill-Pulizija kien għax il-vittma tal-każ partikulari ilmenta miegħu li l-Pulizija ma kienu qed jagħtuh l-ebda tip ta’ informazzjoni dwar il-każ tiegħu.
 “Delia kellu jħares maġenbu dwar indħil lill-Pulizija” – PL
Għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista rreaġixxa billi qal li jekk ried jitkellem dwar indħil minn ministri, il-Kap tal-Oppożizzjoni messu ħares madwaru u kien jinduna li ħdejh għall-konferenza tal-aħbarijiet kellu lil Beppe Fenech Adami.
Il-PL qal li meta Fenech Adami kien Ministru għall-Intern, u ismu tfaċċa f’investigazzjonijiet dwar droga u ħasil ta’ flus, il-każ tal-Capitol One, dawn l-investigazzjonijiet waqfu ħesrem.
Ma’ dan il-PL żied li t-talba ta’ Delia li l-Ministru jirriżenja ma tistax tittieħed bis-serjetà għax il-Ministru ma ndaħal imkien.
Temm jgħid li Delia qed iħawwad, u li din il-politika ta’ sieq waħda ’l hemm u oħra ’l hawn qed tirriżultalu fl-aktar Oppożizzjoni instabbli fl-istorja.
Aktar tard irreaġixxa l-Gvern li qal li Delia messu jaf li l-awtoritajiet ma qagħdux jistennew lilu biex jieħdu l-passi meħtieġa biex Ferris iħoss li għandu l-protezzjoni kollha.