Ferris dwar Egrant: x’ċaħad u x’ma ċaħadx

Jonathan Ferris, eks Spettur tal-Pulizija u eks uffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), ċaħad rapporti imma mhux oħrajn, li qed tippubblika l-gazzetta MaltaToday dwar l-Inkjesta Egrant.

Jidher li l-MaltaToday hija l-iktar gazzetta li qed toħroġ dettalji li allegatament jinsabu fir-rapport tal-inkjesta li għamel il-Maġistrat Aaron Bugeja, li iżda mhumiex fit-3% li ngħataw lill-pubbliku. L-inkjesta ma sabet l-ebda evidenza li turi li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.

Mhux se jikkummenta għalissa dwar x’qal John Dalli fuq Egrant

Jonathan Ferris mhux qed jiċħad imma lanqas jikkonferma, ir-rapport tal-MaltaToday, li huwa qal lill-Maġistrat li meta l-Eks Kummissarju Ewropew John Dalli ġie interrogat mill-Pulizija dwar każ ieħor, kien qallu li Egrant hija tal-Partit Laburista. Il-gazzetta tgħid li allegatament qallu wkoll li din il-kumpanija kienet qed tintuża biex il-partit jiffinanzja l-kampanja elettorali. Wieħed mill-avukati ta’ Ferris qal ma’ Newsbook.com.mt li “Jonathan Ferris mhux se jikkummenta qabel ma tiġi ppubblikata l-inkjesta sħiħa”.

Il-MaltaToday tgħid li skont żewġ sorsi qrib l-investigazzjoni, dan ġie miċħud minn Dalli meta ntalab jixhed quddiem il-Maġistrat. Il-Ħadd li għadda, il-MaltaToday għamlet kuntatt ma’ Dalli u Ferris. Filwaqt li ċaħad li qatt kellu għarfien jew xi rabta ma’ Egrant, Dalli rrifjuta li jikkummenta fuq l-inkjesta Maġisterjali.  Min-naħa tiegħu Ferris qal li għadda żmien u ma jiftakarx x’kien qal lill-Maġistrat.

Ferris jiċħad li ra t-tranżazzjoni ta’ $1 miljun

Minkejja li ma kienx hemm ċaħda minn Ferris dwar dak li allegatament qal John Dalli, l-istess avukati ta’ Ferris, Dr Jason Azzopardi u Dr Andrew Borg Cardona, ċaħdu bil-qawwa storja oħra ppublikata mill-MaltaToday. Tennew ma’ Newsbook.com.mt, dak li nhar l-Erbgħa wieġbu lill-gazzetta, li Ferris jiċħad kategorikament li lill-Maġistrat Bugeja semmielu li ra l-allegata tranżazzjoni ta’ $1 miljun bejn Egrant u kumpanija fl-Ażerbajġan. Qalu li din hija gidba.

It-tkeċċija ta’ Ferris mill-FIAU

Jonathan Ferris kien tkeċċa mill-FIAU f’Ġunju 2017 meta kien għadu bil-probation. Huwa allega li twaqqaf milli jaħdem mal-FIAU b’mod abbużiv u illegali għax ried jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni. Iżda l-FIAU kienet qalet li waqqfet lil Ferris għax ma kienx laħaq il-miri tal-aġenzija. Ferris fetaħ kawża dwar dan.

Fi kliemu, meta faqqgħet l-allegazzjoni tal-kumpanija Egrant fil-Panama, huwa ma tħalliex jinvestiga aspetti marbuta mal-Gvern.  Stqarr li r-raġuni li tawh kienet li għandu kunflitt ta’ interess, minħabba li kien arresta lil whistleblower Russa u eks impjegata tal-Bank Pilatus Maria Efimova.

Ferris kien qal li għandu f’idejh informazzjoni relatata ma’ atti ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter, ħasil ta’ flus li seħħew fl-aħħar snin u li jinvolvu uffiċjali għolja tal-Gvern Malti. F’Novembru 2017 huwa talab biex jingħata l-protezzjoni tal-whistlebloweriżda l-Gvern qallu li l-ewwel irid jurih l-informazzjoni. Sal-lum baqa’ mingħajr protezzjoni.