Jintalab jiżvela l-informazzjoni mal-OPM qabel ma jingħata l-protezzjoni

L-eksimpjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Jonathan Ferris ġie mitlub jiżvela l-informazzjoni li għandu mad-dipartiment tal-Whistleblowers fl-uffiċċju tal-Prim Ministru qabel ma jkun jista’ jingħata l-privileġġi ta’ whistleblower.
Dan ħareġ minn protest ġudizzjarju ppreżentat illum mill-avukati tiegħu, li jgħid li Ferris għandu informazzjoni dwar korruzzjoni, abbuż ta' poter u ħasil ta' flus li seħħew fl-aħħar snin u li skontu għadhom għaddejjin u jinvolvu uffiċjali għolja tal-Gvern Malti. Iżda l-protest jisħaq li għalissa ma jistax jikkollabora mal-awtoritajiet qabel ma jingħata l-protezzjoni.
Mingħajr din il-protezzjoni, Ferris jista’ jeħel sa ħames snin ħabs u multa ta’ €100,000 talli żvela informazzjoni dwar korruzzjoni li seta’ ra waqt iż-żmien li kien jaħdem fl-FIAU.
Newsbook.com.mt ra l-protest ġudizzjarju li tressaq fil-Qorti llum.
Kejl differenti?
Fil-protest ġudizzjarju, Jonathan Ferris qal li l-Avukat Ġenerali qed juża’ kejl differenti miegħu.
Ferris qabbel dan il-każ mal-każ meta fl-2014, l-Avukat Ġenerali ħareġ aktar minn 50 ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni kriminali lil aktar minn 60 persuna involuti fl-iskandlu tat-tbagħbis tal-ismart meters.
L-avukati ta’ Ferris jgħidu wkoll li l-argument favur li l-klijent tagħhom jingħata l-protezzjoni huwa ħafna akbar minn dawk tal-persuni bi tbagħbis tal-ismart meters.
Ferris ilu mill-aħħar ta’ Novembru li għadda jikteb permezz tal-avukati tiegħu biex jingħata l-istatus ta’ whistleblower skont il-liġi li ddaħħlet fl-2013.
Il-protest ġudizzjarju kien iffirmat mill-avukati Andrew Borg Cardona, Jason Azzopardi u Roselyn Borg Knight.

Il-Gvern jgħid li Ferris għaddej minn proċedura li qiegħda hemm għal kulħadd
Il-Gvern fi stqarrija qal li l-protezzjoni għall-whistleblowers tingħata skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni maqbula unanimaent miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Sostna li anki dik mitluba minn Jonathan Ferris qed tgħaddi mill-istess proċedura.
Spjega li l-kunċett tal-protezzjoni għall-whistleblowers huwa bbażat fuq il-fatt li persuna tiżvela xi ħaġa.
Skont il-Gvern, il-każijiet ta’ tbagħbis tal-ismart meters ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-Att dwar il-Whistleblowers imma ċ-ċertifikati ta’ impunità kienu inħarġu taħt l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju ta' Pulizija u wara li l-persuni kkonċernati għamlu dikjarazzjonijiet lill-Pulizija.