Ferm inqas tniġġiż irreġistrat fil-Marsa wara l-għeluq tal-power station

L-arja fil-Marsa u fl-inħawi ta’ madwarha hi ferm iktar nadifa llum ladarba ngħalqet il-power station tal-Marsa.
L-Enemalta qalet dan hekk kif ippubblikat riżultati tat-testijiet tal-arja li dwarhom tkellmet f’laqgħa ma’ sindki tal-irħula fil-Marsa u fil-qrib.
Minn meta ntfiet il-power station fil-bidu tal-2015, it-tniġġiż mid-dijossidju tal-karbonju naqas b’761,000 tunnellata fis-sena, daqs kemm jiġġeneraw tnaqqis fl-emissjonijiet pannelli tax-xemx kbar daqs 900 grawnd tal-futbol.
Naqsu wkoll, bi 80%, l-emissjonijiet tad-dijossidju sulfurju u issa jkejjel livell qrib dak irreġistrat fil-Fanal tal-Ġordan f’Għawdex.
Kien hemm tnaqqis ukoll fil-livelli tal-ossidju nitroġenu għalkemm dan it-tniġġiż jinħoloq anke mill-vetturi.
L-Enemalta spjegat ukoll li m’għadhomx jidħlulha rapporti dwar trab iswed, bl-aħħar rapport ikun fl-2013.
Ix-xogħol f’dik li kienet il-power station se jkompli bit-tneħħija ta’ partijiet minn Boiler Numru 8, li hu wieħed mill-ogħla strutturi tal-istazzjon.