Filmat: Ferħ tal-Milied

Meta d-dinja kollha għaddejja minn dan iż-żmien bid-diffikultajiet tiegħu kollha, naraw li ħafna nies bħal tilfu s-sens ta’ ferħ f’ħajjithom għaliex il-materjaliżmu laħaq rikibna u daħal wisq fi qlubna u f’moħħna. Qalb dan kollu li għaddejjin minnu, din il-kanzunetta li hija interpretata minn Jade Vella qed tippreżentalna ferħ imġedded, il-Ferħ veru tal-Milied.

Din il-kanzunetta ser tkun qed tagħti bidu għal żewġ anniversarji ta’ ferħ fl-2021; l-għaxar anniversarju mill-kanzunetta Ħelu Bambin (2011-2021) u l-mitt anniversarju mill-ewwel Dimostrazzjoni bil-Bambin minn San Gorg Preca (1921-2021).

L-awtur, ispirat miċ-ċirkostanzi attwali u miż-żewġ anniversarji jrid ifakkar aktar minn qatt qabel li l-Milied huwa festa ta’ ferħ. Fiż-żminijiet diffiċli jridna nieqfu nirriflettu l-veru sens tal-Milied u meta tasal biex tifhem verament il-Milied, tinduna li l-frugħa materjalista mhix il-veru sors ta’ ferħ ta’ ħajjitna. Bil-kontra, il-ferħ huwa umli u jinħass minn min kapaċi jiftaħ qalbu beraħ għall-ferħ li jġib miegħu il-Bambin Ġesù mimdud f’maxtura.

Fil-Vanġelu nsibu żewġ avvenimenti li huma riflessi f’din il-kanzunetta. San Luqa jirrakkonta l-ġrajja ta’ meta l-anġlu deher lir-rgħajja; “…qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir…” (Lq:2,10) u l-ġrajja tas-Slaten Maġi fejn San Mattew jgħid li, “Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew” (Mt:2,10). Hawnhekk jidher biċ-ċar li l-ferħ jiġi kemm għas-sinjur u kemm għall-fqir, l-importanti li tagħraf il-veru sors tiegħu.

Il-ferħ huwa stat li ssibu biss meta jkollok il-paċi ġewwiena. Dan l-istat jintlaħaq fil-milja tiegħu meta l-fiżiku, il-psikoloġiku u l-ispiritwali jitwaħħdu flimkien f’talba kontinwa ta’ ferħ, ta’ mħabba sinċiera lejna nfusna, lejn dawk ta’ madwarna u lejn in-natura. Dan mhu xejn ħlief il-pjan ta’ Alla għalina kif rifless fil-Ġenesi, fejn riedna nkunu ħaġa waħda flimkien bħala bnedmin man-natura, kollha miġbura tassew fil-Presepju għall-glorja Tiegħu.

Dan huwa l-ferħ sinċier u fqir li jridna ngħixu biex inkunu għonja; l-istess ferħ kbir u għani li nfakkru kull darba li niċċelebraw il-Milied, mhux dakinhar biss tal-ġurnata tal-Milied imma kull ġurnata li ngħixu u nkunu kapaċi nwelldu mill-ġdid kuljum f’qalbna l-ferħ kbir li jġib miegħu il-Ħelu Bambin.