Fergħat PN: Nofshom tkellmu favur Delia; Nofshom għad iridu jiltaqgħu

Waqt li nofs il-fergħat tal-Partit Nazzjonalista diġa ħarġu stqarrija favur il-Kap Dr Adrian Delia, in-nofs l-ieħor qalu lil Newsbook.com.mt jew li għad iridu jiltaqgħu, xi uħud fil-bidu ta’ Frar, jew li m’għandhomx kummenti x’jagħmlu. Il-ħames fergħat mill-għaxra stabbiliti fl-istatut tal-PN li taw l-appoġġ pubbliku lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma: Nisa tal-PN; Forum Negozji Żgħar u Medji, Kulleġġ tal-Kunsilliera Lokali, il-fergħa tal-ħaddiema u l-Kulleġġ tal-Kandidati.

L-oħrajn li għadhom ma ħarġux stqarrija ta’ appoġġ huma: Moviment Żgħażagħ; il-Forum Opportunitajiet Indaqs; l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani; il-Forum Professjonisti; Kulleġġ tal-eks-Deputati.

X’qalu dawk favur

Dawk favur ippubblikaw stqarrijiet simili fl-istess ġurnata. L-ewwel li bdew fid-9 ta’ Jannar kienu n-Nisa tal-Partit Nazzjonalista. Il-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista Charlene Buttigieg Farrugia kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li d-deċiżjoni ttieħdet unanimament mill-membri kollha fuq Whatsapp chat.

Warajhom aktar tard mal-ġurnata ħarġu stqarrijiet mingħand tliet fergħat oħra. Il-Forum Negozji Żgħar u Medji tal-Partit Nazzjonalista (FSMEsPN) qal li ppubblika din l-istqarrija “b’mod unanimu”. Mistoqsi jgħid jekk il-membri kollha qablux, il-President ta’ din il-fergħa Andre Grech talab li l-mistoqsija tintbagħat b’imejl.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li fil-każ tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera Lokali, il-membri ingħataw ftit minuti ċans biex jagħtu l-oppinjoni tagħhom dwar l-istqarrija fuq Whatsapp bil-konsegwenza li sakemm ħarġet l-istqarrija mhux kull membru kien ra l-messaġġ. Għalkemm kien hemm vuċijiet kontra l-istqarrija, il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali ħareġ jgħid li “konvint mir-reputazzjoni mill-aqwa tal-Kap tal-partit Adrian Delia filwaqt li jagħtih kull appoġġ”.

Il-fergħa tal-ħaddiema ukoll appoġġjat lil Delia bl-istqarrija. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt biex jgħid jekk il-membri kollha qablux mad-deċiżjoni, il-President ta’ din il-fergħa Ivan Castillo talab li l-mistoqsija tintbagħat lid-Direttur tal-Informazzjoni tal-PN.

Il-Kulleġġ tal-Kandidati kien l-unika wieħed fost il-fergħat li qal li d-dikjarazzjoni favur Delia ġiet approvata waqt laqgħa. Fil-fatt, l-istqarrija ġiet ippubblikata fuq Facebook tard filgħaxija fl-istess ġurnata. Il-President ta’ din il-fergħa Charles Selvaggi qal li din kienet laqgħa skedata u l-membri qablu li għandha titiħeħed din il-pożizzjoni.

Dawk li għadhom ma tkellmux

Intant, fost il-fergħat li għadhom ma ħarġux jappoġġjaw lil Delia hemm il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fost il-membri tal-Eżekuttiv hemm maġġoranza kontra stqarrijiet pubbliċi favur il-Kap Nazzjonalista. Laqgħa skedata tal-MZPN hija mistennija għal nhar it-Tnejn li ġej. L-istess sorsi qalu li anki l-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista (FOIPN) jinsab fl-istess sitwazzjoni.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) Mario Rizzo Naudi qal ma’ Newsbook.com.mt li din il-kwistjoni timmerita li tiġi diskussa waqt laqgħa. Qal li s-sitwazzjoni interna tal-Partit se tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tas-6 ta’ Frar li ġej.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, il-President tal-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini qal li ma riedx jgħaddi kummenti. Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-istess Forum mhux beħsiebu jiltaqa’ fil-jiem li ġejjin filwaqt li lanqas mhi mistennija dikjarazzjoni mill-Kulleġġ tal-eks-Deputati.

Filmati fuq WhatsApp

Delia bħalissa jinsab taħt pressjoni wara li ħarġu allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu ta’ vjolenza domestika. Numru ta’ filmati li qed iduru dwaru fuq WhatsApp mhux qed jagħmlu l-pożizzjoni tiegħu aktar faċli.

Il-Kap tal-PN qal li dawn il-filmati kienu “editjati u manipulati.” Huwa qal li se jirrispetta l-ftehim li sar fil-Qorti li la hu u l-anqas il-mara tiegħu ma jitkellmu pubblikament dwar il-każ. Huwa qal ukoll illi fil-libell li għamel kontra l-websajt Lovin’ Malta se joħroġ il-verità.

Intant, f’nofs din l-inċertezza, it-tmexxija Nazzjonalista laqqgħet lill-attivisti għal rally li sar fis-sala tad-Dar Ċentrali l-Ħamis filgħaxija. Hemmhekk, Delia ntlaqa’ minn folla li huwa stmaw li kienet ta’ madwar 400 ruħ.

Filmat: Attivisti b’sapport għal Delia fid-Dar Ċentrali

Nhar it-Tnejn li għadda, Adrian Delia qal li min mhux wara l-kap, mhux postu fil-partit.

Awdjo: “Bi ‘gwerra’ ridt infisser il-battalja elettorali” – Delia