Fera 2 irġiel b’sikkina; jinżamm arrestat

Raġel qed jinżamm arrestat talli attakka lil żewġ irġiel b’sikkina f’San Ġiljan nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-Libjan ta’ 26 sena li joqgħod is-Swieqi kien vjolenti ma’ 2 irġiel fit-3.30am fi Triq Dragonara f’San Ġiljan.

Wieħed mill-vittmi, raġel ta’ 38 sena mill-Kosta tal-Avorju, li joqgħod il-Belt Valletta, qal lill-Pulizija b’dan l-inċident, li fih weġġa’ wkoll Libjan ieħor ta’ 32 sena, li joqgħod il-Gżira.

L-akkużat, li ma jaħdimx, ilu Malta ftit iktar minn ġimgħa, u skont l-Ispettur tal-Prosekuzzjoni, dan hu ta’ tħassib. Żied jgħid li wieħed mill-vittmi kien ħbieb mal-akkużat fuq Facebook.

L-akkużat xehed mhux ħati, u nżamm arrestat.