Fenomenu ta’ “Ostja bid-demm” qed ikun investigat fl-Arġentina

L-Isqof Luis Fernandez fid-djoċesi ta’ Rafaela fil-provinċja ta’ Santa Fe fl-Arġentina qed jinvestiga każ fejn allegatament Ostja Konsagrata, waqt siegħa adorazzjoni f’dar għar-riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga, beda ħiereġ id-demm minnha.
L-Isqof ħabbar li kien se jagħmel investigazzjoni dwar dan il-fenomenu li seħħ f’April li għadda meta grupp ta’ żgħażagħ, waqt adorazzjoni ewkaristika raw likwidu li deher bħal demm, fl-ostja konsagrata.
Juan Ternengo il-koordinatur tad-Dar San Miguel fejn seħħ il-każ qal li kien hemm “kulur aħmar skur ħiereġ mill-ostja waqt li ż-żgħażagħ kienu qed jitolbu u jkantaw”.
Meta ġie mgħarraf b’dan l-Isqof Fernandez flimkien ma’ Fr Alcides Suppo marru fid-dar taż-żgħażagħ biex jieħdu kontroll tas-sitwazzjoni.  L-Isqof qal li f’każi bħal dan il-Knisja titlob għall-prudenza u l-moderazzjoni biex il-każ ikun eżaminat bir-reqqa u jkun stabbilit eżattament x’ġara.
“Matul l-istorja, il-Knisja kellha xhieda tal-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija li mmanifesta ruħu f’din il-forma unika. Dawn il-każi ma kienux komuni u anqas sempliċi biex wieħed jifhimhom”, qal l-Isqof.
Għalhekk wara li l-Isqof Fernandez adotta l-proċedura rakkomandata mill-Knisja, l-Ostja in kwestjoni tneħħiet mill-espożizzjoni pubblika u kienet preservat b’mod xieraq biex tibda l-investigazzjoni u l-istudji li hemm bżonn, biex meta jkun il-waqt jinġibdu l-aħjar konklużjonijiet.
L-Isqof ħeġġeġ biex ikun xi jkun ir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet, l-insara għandhom jużaw dan iż-żmien biex iġeddu l-fidi u d-devozzjoni tagħhom lejn il-veru miraklu tal-Ewkaristija li jkun ċelebrat fil-quddiesa.
Fi stqarrija tal-Kurja intqal li sadattant, huma rakkomandati l-prudenza u r-rispett għall-post u l-persuna li raw dan l-avveniment straordinarju, partikolarment għax dan il-post jinħtieġ il-kwiet u s-serjeta’ bħala parti importanti mill-proċess ta’ riabilitazzjoni li għaddejjin minnu dawk li jgħixu u jaħdmu f’din id-dar.