Fenomeni mistiċi mhux minn Alla huma “karikatura grotteska tal-fidi” – l-Arċisqof

Il-parir tal-Arċisqof Charles Scicluna lill-Insara li jridu jgħixu d-devozzjoni tagħhom lejn il-Madonna jew lejn l-Ewkaristija hu li jużaw it-talb tal-Knisja.
Fil-programm “Reporter” ma’ Saviour Balzan fuq l-istazzjon nazzjonali, l-Arċisqof ġie mistoqsi dwar id-digriet li ħarġet il-Knisja f’Malta nhar is-Sibt – li l-fenomeni mistiċi ta’ Borġ in-Nadur mhumiex ġejjin minn Alla.
L-Arċisqof sejjaħ fenomeni simili bħala “karikatura grotteska tal-fidi” u qal li kien dmir tal-Knisja li tipproteġi lill-poplu minnha.
Dwar il-pożizzjoni tal-Knisja kontra l-abort, l-Arċisqof ikkonferma li l-Knisja hi favur il-ħajja f’kull ċirkustanza u spjega tliet prinċipji: li l-bniedem mhux sid il-ħajja; li d-dritt ta’ persuna li tmut ifisser dmir ta’ ħaddieħor li joqtol; u li fl-ebda ċirkustanza mhu l-bniedem obbligat li juża mezzi straordinarji biex jgħix.
Mistoqsi dwar abbuż minn membri tal-kleru, l-Arċisqof tenna l-ħsara li jagħmel min jagħti skandlu, u qal li l-abbuż mhux bħal ta’ kull kriminal ieħor, għaliex f’dan il-każ titfarrak il-fiduċja spiritwali.
Fl-istess ħin ħeġġeġ lil min ikun jaf b’każijiet biex jitkellem u saħaq li hu man-naħa ta’ min jagħmel ir-rapport, għalkemm spjega li jiddefendi lis-saċerdoti mill-kalunja.
Mistoqsi wkoll dwar l-immigrazzjoni, l-Arċisqof ħeġġeġ lin-Nisrani biex iħares lejn dawn il-bnedmin mil-lat uman qabel kunsiderazzjonijiet oħra.
Dwar l-ambjent, fisser l-importanza tal-ħarsien tiegħu kemm bħala responsabiltà lejn ġenerazzjonijiet futuri imma wkoll għaliex il-ħarsien tal-ambjent jassigura kwalità tal-ħajja.
Fl-aħħarnett, l-Arċisqof awgura li din is-sena tkun verament Sena tal-Ħniena u li jkompli l-proċess ta’ evanġelizzazzjoni, fejn in-nies jitqarrbu lejn Ġesù. Irringrazzja wkoll lill-Vigarju Ġenerali u lil diversi lajċi li jikkollaboraw miegħu biex il-Knisja f’Malta tkompli tkun ta’ servizz fuq diversi aspetti.