Fenech uża assi fi Franza biex ħallas għall-assassinju – RSF

REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Reporters Without Borders (RSF) u l-qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ressqu ilment mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Finanzjarju Franċiż biex jinvestiga lil Yorgen Fenech, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

L-ilment li tressaq mill-avukat Emmanuel Daoud f’isem RSF u l-familja Caruana Galizia jgħid li hu maħsub li Fenech kien qed juża qligħ minn assi li għandu fi Franza biex ixaħħam liż-żewġ persuni msemmija l-oħra biex jirbaħ kuntratt kbir tal-istat, li Caruana Galizia kien qiegħda tinvestiga qabel mewtha, u li jħallas b’dawn l-istess flus il-karozza bomba li qatlitha fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Wara l-aħħar żviluppi, RSF u l-familja Caruana Galizia skoprew li Fenech kellu assi kbar fi Franza li jinkludu l-Evian-lesBains Hilton Hotel. Hu għandu wkoll stalel għaż-żwiemel tat-tiġrija fi Franza li rendew mijiet ta’ eluf fi profitti bejn Jannar 2015 u Diċembru 2017.

Fid-dawl ta’ dan, huma jaħsbu li l-Prosekutur ewlieni fi Franza għandu jiftaħ investigazzjoni preliminari jew ġudizzjarja.

Is-segretarju ġenerali ta’ Reporters Without Borders Christophe Deloire qal li peress li dawn l-assi fi Franza ta’ dak meqjus probabbilment il-moħħ wara l-qtil, intużaw biex jitħallsu l-qattiela, l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi għandhom jinvestigaw biex toħroġ il-verità.