Read in English.
Kemm il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, talbu sabiex il-Maġistrat Nadine Lia tastjeni milli tisma’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ.
Il-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-każ kontra Fenech mistennija tibda għada. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet Fenech tressaq il-Qorti akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista. Hu wieġeb mhux ħati.
Ir-raġuni ewlenija tat-talbiet separati tagħhom hija li l-Maġistrat hija miżżewġa lit-tifel tal-avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-familja Caruana Galizia qalet li ladarba l-każ jinvolvi persuni fid-dominju pubbliku u konnessi mal-uffiċċju tal-Prim Ministru nniffsu, il-Maġistrat għandha tastjeni mill-każ assenjat lilha.
L-ittra għamlet referenza għal meta l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li dak iż-żmien kienet għadha Maġistrat, kienet neħħiet lilha nnifisha mill-inkjesta fl-2017 wara li l-familja kienet sostniet li Scerri Herrera kienet suġġett ta’ kritika minn Caruana Galizia u din kienet saħansitra fetħitilha libel.