Fenech ma jkomplix joġġezzjona għal Arnaud; iwaqqa’ l-każ

FILE PHOTO: Maltese businessman Yorgen Fenech, who was arrested in connection with an investigation into the murder of journalist Daphne Caruana Galizia, arrives at the Courts of Justice in Valletta, Malta, November 29, 2019. REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Is-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech waqqa’ l-każ li fetaħ sabiex jitneħħa l-Ispettur Keith Arnaud mill-investigazzjoni tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Fenech, li issa qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju, fil-Qorti hu wieġeb mhux ħati.

L-avukati ta’ Fenech kienu argumentaw li l-Ispettur Arnaud kien viċin ħafna tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Fenech qed jgħid li Schembri wkoll kellu x’jaqsam mal-assassinju tal-ġurnalista.

Il-Korp tal-Pulizija kien qal li m’hemm l-ebda bażi biex l-Ispettur Keith Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni. Fi stqarrija, il-Pulizija qalet ukoll li mhux se jitneħħa minħabba r-riżultati li nkisbu s’issa u li ilu mill-bidu jmexxi din l-investigazzjoni, bl-assistenza tal-Europol, li għadhom sal-ġurnata tal-lum involuti fl-investigazzjoni.

Fl-20 ta’ Novembru, Fenech spiċċa arrestat wara li l-jott tiegħu ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta hu u ħiereġ mill-marina ta’ Pembroke. Hu nħeles fuq police bail għal numru ta’ drabi qabel ma ġie uffiċjalment akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista. Hu tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ is-Sibt li għadda.

Dan il-każ kellu jkompli jinstema’ llum, iżda l-Qorti infurmat lill-ġurnalisti li l-każ kien twaqqa’.