Fenech ma ħarabx lejn Tuneż għax beża’ għal ħajtu

Read in English.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li Yorgen Fenech abbanduna l-pjan li jaħrab lejn Tuneż f’dingi għax beda jibża’ għal ħajtu. Il-pjan kien tfassal f’Għawdex fil-villa tat-tabib ta’ Fenech, Dr Adrian Vella, li huwa wkoll it-tabib tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Il-pjan kien li minn Tuneż, Fenech jivjaġġa lejn Dubaj.

Is-sorsi qalu li Fenech ma kienx qed jibża’ mill-maltemp, imma li seta’ jiġrilu xi ħaġa waqt il-vjaġġ. Dawn iżda ma kkonfermawx l-isem tal-persuni li Fenech kien qed jibża’ minnhom.

Id-dettalji tal-pjan ta’ kif kellu jaħrab Fenech ħarġu fil-midja xi ftit ġimgħat ilu u ġew ikkofermati fil-Qorti mill-Ispettur Keith Arnaud waqt is-seduta tad-19 ta’ Diċembru.

Arnaud tkellem dwar pjanijiet differenti ta’ kif seta’ jaħrab mill-pajjiż.

L-ewwel pjan: Franza

Arnaud qal li l-Pulizija ma kinux qed jippjanaw li jarrestaw lil Fenech sakemm jispiċċaw ikellmu lil Melvin Theuma, is-sensar tal-assassinju li ngħata l-maħfra presidenzjali. Is-sitwazzjoni nbidlet meta l-midja rrappurtat li Theuma ġie arrestat u li kien qed jitlob għall-maħfra.

L-Ispettur rrefera għall-messaġġi li ntbagħtu bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech. Huma ddiskutew l-aħħar żviluppi u l-possibiltà li hu jaħrab minn Malta, probabbilment lejn Franza, mingħajr ma jinqabad. Ray Fenech issuġġerixxa li Yorgen ma jagħmilx użu mill-karti tal-kreditu.

Il-Pulizija saru jafu b’dawn il-messaġġi wara li Yorgen Fenech ġie arrestat.

It-tieni pjan: Tuneż

Arnaud ikkonferma fil-Qorti li Dr Adrian Vella kien qal lill-Pulizija li fi tmiem il-ġimgħa ta’ qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech, kien hemm pjan sabiex hu jaħrab minn Malta. Qal iżda li Schembri ma kellux x’jaqsam ma’ dan il-pjan.

Vella qal lill-investigaturi li Fenech kien fi stat ħażin ħafna wara l-arrest ta’ Theuma, is-sensar. Hu stieden lil Fenech fil-villa tiegħu f’Għawdex sabiex ikun jista’ jikkalma. Vella saq lil Fenech lejn Għawdex u t-tnejn li huma baqgħu fil-karozza waqt li kienu fuq il-vapur.

Franco Fenech, ħu Yorgen iltaqa’ magħhom fil-villa ta’ Vella. Hemmhekk kienu ddiskutew ħafna ideat ta’ kif Fenech seta’ jaħrab, bil-pjan preferut ikun dak lejn Tuneż bid-dingi.

Is-sorsi kkonfermaw dan kollu u żiedu jgħidu li Yorgen Fenech beda’ jibża’ għal ħajtu u b’hekk abbanduna l-pjan li jaħrab lejn it-Tuneżija.