Fenech irid il-każ ikompli u lil Theuma jitla’ jixhed

Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, irid li l-każ ikompli u li s-sensar tal-assassinju Melvin Theuma jkompli jixhed biex isirlu l-kontro-eżami.

Dak li nġabar s’issa mill-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih bħalissa jinsab għand l-Avukat Ġenerali. Il-każ mistenni jkompli fit-2 ta’ Diċembru, imma t-tim legali ta’ Fenech, magħmul mill-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, ressaq rikors biex il-każ ikompli aktar malajr.

B’rikors li ressqu l-qorti, huma qegħdin jitolbu lill-Qorti Kriminali tordna li dak li nġabar fil-kumpilazzjoni jintbagħat lura fil-Qorti tal-Maġistrati ħalli l-każ ikompli jinstema’.

Fir-rikors tagħhom jagħmlu għadd ta’ talbiet, ewlenija fosthom li Melvin Theuma jerġa’ jissejjaħ għal fuq il-pedana tax-xhieda. Theuma kien ammetta li hu kien is-sensar fl-assassinju, imqabbad minn Fenech biex isib lil xi persuni biex joqtlu lill-ġurnalista.

Huwa ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf.

F’Lulju, il-lejl qabel kellu jsir il-kontro-eżami tiegħu, Theuma nstab f’għadira demm f’daru, meta allegatament weġġa’ lilu nnifsu.

Meta ġara dan, il-kumpilazzjoni tax-xhieda kienet waslet f’punt meta l-avukati bdew jistaqsu lil Theuma jekk l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tħallasx €30,000 bil-patt li Theuma jingħata maħfra presidenzjali.

X’inhuma t-talbiet l-oħra?

It-talbiet l-oħra tal-avukati ta’ Fenech huma sabiex isir il-kontro-eżami ta’ Johann Cremona u tal-Ispettur Kurt Zahra mill-Prosekuzzjoni. Apparti hekk, iridu li jixhed rappreżentant tal-Vodafone, li l-Ispettur Keith Arnaud jippreżenta noti li ħa, li jippreżenta informazzjoni mogħtija lilu mill-provditur tas-servizz, kif ukoll li jippreżenta rikordings ta’ Melvin Theuma li nstabu fil-bidu ta’ din is-sena. L-avukati jridu anke li Arnaud jesebixxi t-telefonati rrikordjati bejn għadd ta’ persuni, b’mod partikolari bejn Edwin Brincat il-Ġojja u l-eks Kummissarju, u bejn il-Ġojja u Melvin Theuma.

Iridu wkoll li jiġu ppreżentati t-traskrizzjonijiet li kienu ġew ordnati li jsiru fis-seduta tat-22 ta’ Lulju.

Dan ir-rikors tressaq quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li astjeniet.

Fid-digriet tagħha bi tweġiba għar-rikors hija qalet li bħalma diġà astjeniet f’każijiet li kellhom x’jaqsmu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, se tastjeni f’dan il-każ ukoll minħabba kawża raġonevoli li tista’ twassal biex l-Imħallef ma tkunx indipendenti jew imparzjali.

Għalhekk, ir-rikors intbagħat lura għar-Reġistratur tal-Qorti sabiex jiġi assenjat lil imħallef ieħor.