Fenech ċempel lil Keith Schembri qabel prova jaħrab

Read in English.

In-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech kien f’kuntatt regolari bit-telefown mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u tkellmu bejniethom fuq it-telefown xi sigħat qabel ma’ Fenech ġie arrestat nhar l-Erbgħa li għadda. Dan ġie rrappurtat mit-Times of Malta u Lovin Malta.

Dawn il-ġurnali kkwotaw analiżi tad-data tat-telefonati tan-negozjant li żvelaw li waħda mill-aħħar telefonati li għamel Fenech qabel ħareġ bil-jott minn Portomoso kienet lil Schembri. Is-sorsi tat-Times jgħidu li Fenech u Schembri tkellmu fit-tul. L-investigaturi qed janalizzaw il-mowbajl ta’ Fenech. Jissuspettaw li Schembri kien qed iżomm lil Fenech aġġornat dwar il-każ tal-assassinju.

In-negozjant huwa meqjus mill-Pulizija bħala persuna ta’ interess dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u repetutament qal lill-investigaturi li għandu informazzjoni li tinkrimina lil Schembri.

Yorgen Fenech isemmi lil persuni b’karigi politiċi għolja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ħabbar ir-riżenja ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tiegħu.

Uffiċjali tal-Pulizija llum marru jfittxu fil-villa tiegħu fil-Mellieħa.

Intant, Yorgen Fenech reġa’ ngħata l-police bail, għat-tielet darba din il-ġimgħa. Hu qed jitlob maħfra presidenzjali.