Fenech b’rikors fil-Qorti għall-kummenti li għadda Azzopardi

yorgen fenech

Read in English.

Yorgen Fenech stqarr fil-Qorti li huwa kien vittma ta’ ħsara irreparabbli li saret mill-Avukat Jason Azzopardi bi stqarrijiet li huwa għamel fil-programm Andrew Azzopardi on 103.

Il-programm ixxandar Live, is-Sibt 31 ta’ Ottubru u fih Azzopardi wieġeb jekk Yorgen Fenech hux ħati jew le.

Permezz tal-avukati tiegħu, Fenech daħħal rikors fil-Qorti biex ifittex rimedju xieraq għal dak li huwa sejjaħ bħala “ħsara irreparabbli li qiegħda tiġi mwettqa lid-drittijiet fundamentali”.

Iffirmat mill-avukati Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca u Marion Camilleri, ir-rikors jitlob ukoll lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja biex tisma’ x-xhieda u l-provi fosthom lill-Avukat Azzopardi u rappreżentant ta’ 103 Malta’s Heart biex jippreżenta kopja tal-filmat.

L-avukati qalu li hemm kunflitt ta’ interess minħabba l-irwoli ta’ Azzopardi, kemm bħala Shadow Minister, Membru Parlamentari, u kif ukoll bħala Avukat. Dan peress li Azzopardi, flimkien ma’ Therese Comodini Cachia, huwa wkoll l-avukat tal-familja Caruana Galizia fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Femech huwa l-allegat mandant ta’ dan il-qtil.

Sostnew li ma hemm l-ebda serħan il-moħħ li qiegħdin jiġu rispettati d-drittijiet bażiċi u fundamentali li għandu jgawdi minnhom Yorgen Fenech, b’mod partikolari d-dritt fundamentali għas-smiegħ xieraq. Spjegaw dan minħabba l-istqarrijiet pubbliċi bħal dawn li qiegħdin isiru b’mod kontinwu u ripetut. Sostnew ukoll li dawn id-dikjarazzjonijiet qed iservu biex jiġu ppreġudikati l-imħuħ ta’ min għad irid jiġġudika lil Fenech.