Fenech b’rikors biex il-pulizija ma jixhdux fuq li qalilhom biex jingħata maħfra

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Yorgen Fenech ressaq rikors urġenti li jgħid li jekk jitħallew isiru mistoqsijiet fuq dak li qal lill-pulizija qabel ma ġiet miċħuda t-talba tiegħu għal maħfra presidenzjali, ikunu qed jiġu preġudikati d-drittijiet tiegħu.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-Times of Malta rrappurtat li f’dan ir-rikors b’urġenza li tressaq illum, huwa qed jgħid li d-digriet li wasslet il-Maġistrat Rachel Montebello jista’ jikser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.

Id-digriet imsemmi ħareġ il-ġimgħa li għaddiet. Dan id-digriet jippermetti lill-uffiċjali tal-Prosekuzzjoni Keith Arnaud u Kurt Zahra, kif ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li jixhdu fuq kulma qalilhom Fenech fuq il-każ. Id-digriet jagħti permess ukoll lill-avukati li qed jidhru għall-familja Caruana Galizia biex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

L-avukati ta’ Fenech qed jargumentaw li l-informazzjoni li pprovda Fenech biex jingħata l-maħfra presidenzjali ma kellhiex tintuża kontrih fil-proċeduri kriminali. Jekk dan jitħalla jsir, qed jargumentaw l-avukati, l-akkużat isirlu preġudizzju irrimedjabbli.

F’Novembru, it-talba ta’ Fenech għal proklama biex jiżvela kulma jaf kienet miċħuda mill-Kabinett. Huwa sfida d-deċiżjoni tal-Kabinett, iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda għat-tieni darba f’Lulju mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale.

Ir-rikors isemmi wkoll kif dan il-każ qed jattira rappurtaġġ wiesa’ mill-midja, li tikteb f’dettall kbir u kważi tikkwota kelma b’kelma dak li jintqal fil-qorti. B’hekk, huma mħassbin fuq kif dawk li eventwalment jintgħażlu bħala ġurija meta Fenech jgħaddi ġuri jaf ikunu influwenzati minn dawn ir-rapporti fil-midja, anke jekk xi informazzjoni titneħħa mill-atti tal-Qorti aktar tard.

Għaldaqstant, Yorgen Fenech qed jappella biex ikun hemm miżura li twaqqaf lill-Prosekuturi milli jixhdu dwar din l-informazzjoni li hu ta bl-iskop li jingħata maħfra presidenzjali.

Ir-rikors hu ffirmat mill-avukati ta’ Fenech, Dr Gianluca Caruana Curran, Dr Marion Camilleri u Dr Charles Mercieca.