Aġġornata: Bedingfield jawgura lil ​Fenech Adami għat-trattament f’Londra wara battibekki fuq l-internet

Aġġornata:
L-assistent tal-Prim Ministru, Glenn Bedingfield, awgura lil Beppe Fenech Adami għat-trattament li se jkun qed jieħu f'Londra waqt li qal li l-Viċi Kap Nazzjonalista ħa għalih għal dak li kiteb fil-blogg tiegħu iktar kmieni.
Kiteb li jawgurawlu fejqan u affarijiet sbieħ, mhux bħalma kien awgurat lil Alfred Sant fil-kampanja elettorali tal-2008 hekk kif sostna li l-Laburisti huma magħġuna b'mod differenti min-Nazzjonalisti għax jimpurtahom verament.
Iktar kmieni: 
Il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami jinsab Londra wara li fuq Facebook qal li għandu “ġurnata twila ta’ testijiet mediċi fil-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer”.
Huwa tella’ dan il-kumment b’risposta għall-blogg li ttella’ dwaru mill-assistent tal-Prim Ministru Glenn Bedingfield.
Fil-blogg tiegħu, Bedingfield attakka lil Fenech Adami li telaq mill-pajjiż waqt li qed jiffaċċja akkużi dwar il-propjetà tiegħu fil-Għargħur. Huwa akkuża lill-Viċi Kap Nazzjonalista li jinsab fl-aħbarijiet minħabba deċiżjonijiet li aġevolawh u li kienu ttieħdu minn amministrazzjonijiet preċedenti.
B’risposta għal dan, Fenech Adami wieġeb li jinsab Londra flimkien ma’ martu u qal li Bedingfield għandu jiċċekkja l-fatti sewwa qabel ma jippublika l-blogg tiegħu.
Appella lill-Prim Ministru sabiex ineħħi lil Bedingfield mill-kariga tiegħu għax huwa “insensittiv, irresponsabbli u ta’ mistħija għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru”.