Fenech Adami jibqa’ President tar-Reġjun imma mhux kunsillier

Read in English.

Il-Kunsillier Nazzjonalista ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami se jibqa’ jżomm il-kariga ta’ President tar-Reġjun taċ-Ċentru u għaldaqstant mhux se jieħu l-ġurament bħala Kunsillier għal-leġislatura li tibda mill-1 ta’ Lulju li ġej.

Dan tħabbar fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li fiha ngħad li Fenech Adami informa lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li qiegħed jirrinunzja l-kariga ta’ kunsillier.

Fenech Adami ilu jservi fil-kariga ta’ President tal-Kunsill Reġjonali Ċentrali mill-2017, ikun jista’ jkompli jservi f’dan l-irwol sakemm jiskadi l-mandat tiegħi fl-2022. Fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, Michael Fenech Adami serva bħala Sindku u anki bħala Minority Leader.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li Fenech Adami kien kostrett li jieħu dan il-pass għaliex fl-aħħar emendi li saru fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali (Kap 363) daħal fis-seħħ artiklu li jgħid li l-ebda President ta’ Reġjun ma jista’ jokkupa kariga f’Kunsill Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Michael Fenech Adami għall-kontribut li ta’ f’diversi karigi fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirakara u awguralu iktar suċċess fil-Kunsill Reġjonali u iktar ħidma b’risq il-Partit Nazzjonalista.