6 kandidati biss iwieġbu għall-manifest ta’ għaqdiet Kattoliċi

Minn 41 kandidat li ħerġin għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien hemm sitta biss li wieġbu għall-manifest ta’ għaqdiet Kattoliċi f’Malta. Fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju se jikkontestaw kandidati minn tmien partiti. Hemm ukoll ħames kandidati indipendenti.

Il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Felix Busuttil kien wieħed mill-kandidati li ddikjara li jaqbel mal-manifest ippublikat mill-Moviment Ta’ Kana u mill-Catholic Voices Malta. Busuttil qal li jixtieq jara lil Alla jerġa’ jitpoġġa fir-realtà tal-politika. Qal li “jikkonferma l-manifest” u li jixtieq l-imħabba, ir-rispett, id-dinjità, u l-ħajja għal kulħadd. Mill-PN Michael Briguglio qal li jappoġġja l-manifest filwaqt li Peter Agius qal li jaqbel. Carmel Cacopardo mill-AD bagħat il-manifest tal-partit tiegħu. Arnold Cassola (indipendenti) qal li meta wieħed iħares lejn il-ġid komuni ftit ikun hemm differenza bejn lajċi u kattoliċi. Mill-PD, Godfrey Farrugia qal li l-PD huwa mibni fuq il-valuri Maltin u Ewropej.

Reċentament, il-Moviment Ta’ Kana u Catholic Voices Malta ppreżentaw manifest bi 12-il prinċipju li għandhom jiggwidaw lill-votanti Kattoliċi huma u jagħżlu l-kandidati preferuti tagħhom għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan il-manifest intbagħat lill-kważi l-kandidati kollha.

Michael Briguglio

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista (PN) Michael Briguglio qal li jappoġġja l-manifest “kompletament”.

Carmel Cacopardo

Il-kandidat tal-AD Carmel Cacopardo qal li l-manifest tal-partit tiegħu ilu xi ġimgħat ippubblikat.

Arnold Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li jqis ruħu politiku lajk u sekulari li jemmen li għandu jkun hemm separazzjoni bejn politika u reliġjon. Qal ukoll li meta wieħed iħares lejn il-ġid komuni ftit ikun hemm differenza bejn lajċi u kattoliċi. Cassola żied jgħid li beħsiebu jissieħeb mall-Grupp tal-Ħodor bil-kundizzjoni li fuq kwistjonijiet bħall-abort ikun liberu li jaħdem u jaġixxi skont il-kuxjenza tiegħu.

Godfrey Farrugia

F’isem il-Partit Demokratiku (PD), il-kandidat Godfrey Farrugia qal li l-PD huwa mibni fuq il-valuri Maltin u Ewropej. “Inkomplu naħdmu biex insaħħuhom,” qal Farrugia.

Peter Agius

Il-kandidat tal-PN Peter Agius qal li jaqbel “bla riżerva” mat-12 il-valur tal-manifest. Agius qal ukoll li jeħtieġ li tiġi mbuttata b’aktar saħħa l-applikazzjoni tal-artiklu 17 dwar il-libertà tal-kuxjenza. “Naħseb li importanti li jkollna politiċi li jagħmluha ċara li huma ispirati u gwidati mill-valuri Nsara fil-politika,” temm jgħid Agius.