Fekruna tbid f’Għawdex għall-ewwel darba f’70 sena

Nature Trust / Facebook

Read in English.

Fekruna biedet ir-Ramla l-Ħamra, u din kienet l-ewwel darba li fekruna nqabdet tbid f’Għawdex f’70 sena.

Nature Trust ħabbret dan fuq Facebook, u spjegat li l-fekruna niżlet l-art mill-baħar fl-10pm, u telqet għall-ħabta tal-11.30pm.

Persuni li kienu fil-bajja u ntebħu b’dan infurmaw lil Nature Trust, u l-voluntiera tal-għaqda marru f’qasir żmien sabiex isegwu l-proċess u jipproteġu lill-fekruna u l-bejta tagħha. Infurmaw lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u issa huwa f’idejn din l-awtorità sabiex tħares il-bejta li ħalliet il-fekruna. Il-bajd li ħalliet il-fekruna huma mistennija jfaqqsu bejn nofs u l-aħħar ta’ Lulju.

L-aħħar drabi li fkieren biedu f’Malta kien fl-2012, fl-2014 u fl-2018. Fil-każ tal-fkieren tal-2018, irnexxielhom ifaqqsu 111-il bajda minn 112.

Nature Trust kitbet li sfida għall-protezzjoni tal-bajd u tal-fkieren ċkejknin ladarba jfaqqsu l-bajd huwa l-granċ. Għalhekk, il-voluntiera ta’ Nature Trust ħa jsegwu l-proċess, sabiex jiżguraw li la l-bajd ifaqqas, il-maġġoranza tal-fkieren imorru lura fil-baħar.

Nature Trust appellat lill-pubbliku biex iżomm id-distanza mill-bejta u josserva r-regoli tal-ERA.