Fekruna tbid f’Golden Bay

Read in English.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kkonfermat li fl-aħħar sigħat fekruna telgħet fil-bajja ta’ Golden Bay biex tbid.

Uffiċjali tal-ERA marru mill-ewwel fuq il-post. L-awtorità mistennija toħroġ ordni ta’ konservazzjoni biex il-parti tal-bajja tkun protetta peress li storbju eċċessiv u indħil fiż-żona jista’ jxekkel milli l-bajd ifaqqsu.

L-ERA fi stqarrija qalet li l-aħħar każ f’Golden Bay kien fl-2016 iżda dan huwa t-tieni każ dini s-sena hekk kif bħalissa hemm il-bajd ta’ fekruna fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex.

Dwar iż-żidiet ta’ każijiet ta’ bejtiet tal-fkieren, l-ERA qalet li dan jista’ jkun dovut għaż-żieda ta’ fiduċja li l-fkieren qed ikollhom max-xtut Maltin. L-ERA qalet li din hija żvolta pożittiva hekk kif il-fkieren qed joqorbu lejn Malta b’mod aktar permanenti.

L-ERA qed taħdem ukoll mill-qrib ma’ Nature Trust Malta (NTM‐FEE), il-Park tal-Majjistral; il-Ministeru għall-Ambjent u entitajiet oħra.