Fejn tista’ tmur sa lejlet il-Milied?

F’dawn il-jiem ħafna huma l-attivitajiet li wieħed jista’ jagħmel sabiex ikompli jidħol fl-isprtu tal-Milied. Fil-Belt Valletta qed jiġu organizzati diversi attivitajiet minn Festivals Malta. Dawn huma:

Il-Ħamis 20 ta’ Diċembru: Milied Flimkien fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta

Il-mexxejja tal-pajjiż se jwasslu lill-poplu Malti l-messaġġ tal-Milied. Din l-attività tibda fis-sitta neqsin għaxra b’marċ mill-Banda tal-Forzi Armati fi Triq ir-Repubblika. Fl-istess ħin fi Pjazza Tritoni, quddiem il-presepju se jibda l-kant ta’ għanjiet tal-Milied. Aktar tard se jaslu l-mexxejja tal-pajjiż fejn iwasslu l-messaġġ tal-Milied li se jixxandar dirett fuq TVM mis-6:10 ta’ filgħaxija ‘l quddiem. Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, se tasal il-purċissjoni bil-bambin akkumpanjata mill-banda Big Friends Guggen Muzik li wkoll se ddoqq diversi għanjiet tal-Milied.

Is-Sibt 22 ta’ Diċembru: Malta Concert Orchestra qalb in-nies.

Attività fejn numru ta’ mużiċisti mill-Malta Concert Orchestra se jdoqqu mużika marbuta mal-Milied f’diversi pjazez fil-Belt Valletta. L-ewwel waqfa se tkun fi Pjazza San Ġorġ fil-11 ta’ filgħodu.

Il-Ħadd 23 ta’ Diċembru: Id-dimostrazzjoni tradizzjonali tal-bambin organizzata mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM.

Din il-purċissjoni se tibda minn Pjazza De Valette fis-6:00pm.

It-Tnejn 24 ta’ Diċembru: Il-25 edizzjoni tal-kunċert tal-Milied tal-Banda tal-Pulizija fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta,  fis-6.30 ta’ filgħaxija.

F’dan il-kunċert, il-Banda tal-Pulizija se jkollha diversi kantanti mistiedna fosthom Kevin Borg, Neville Refalo, Dorothy Bezzina, Ozzy Lino, Kimberley Manicaro u l-baritonu Paul Zammit. Id-dħul għal dan il-kunċert fi Pjazza Teatru Rjal hu b’xejn.