Fejn tista’ tmur f’dawn l-40 jum?

Newsbook.com.mt ħaseb sabiex joħloq paġna fejn wieħed jista' jsib l-attivitajiet li qed isiru madwar Malta matul l-40 jum tar-Randan. Jekk tixtieq li nżidu l-attività li qed torganizza, ibgħat email fuq info@newsbook.com.mt 
1. Kont Jien f'Ħal Qormi 
F’għeluq l-20 sena mit-twaqqif tiegħu, id-Drama Pageant Group, Ħal Qormi San Sebastjan se jtella’ pageant oriġinali u b’differenza mill-pinna ta' Doris Zammit xandara u awtriċi veterana filwaqt li d-direzzjoni tkun f’idejn Sebastian Aquilina, ċ-Ċerpersin tal-grupp. Da"n id-dramm ta’ sagħtejn u nofs mimli spettaklu ta’ dwal u kostumi se jittella’ fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi. “Kont Jien” qed tippreżentalna l-passjoni ta’ Kristu minn fomm diversi karattri, Justus, iċ-ċenturjun, Ġuda, Kajfas, Pilatu, li bl-aġir tagħhom jidhru li kienu kompliċi fil-mewt ta’ Ġesù ….. inkluż aħna… int u jien! Bla dubju dawk li se jattendu, se jkunu qed jgħixu pass pass il-passjoni ta’ Kristu permezz tal-istorja filwaqt li jidħlu aktar fl-ispirtu li jwassalna għal dawk il-ġranet li jfakkruna tabilħaqq fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. It-Tlieta 27 u l-Erbgħa 28 ta' Marzu 2018, fit-8:00 ta' filgħaxija. Fuq iz-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi. Ibbukkjaw il-biljetti: fuq 99271027 jew 79092963 biex ma toħorġux diżappuntati. KBAR €5; TFAL €3

2. Għira fil-Belt Valletta
'Għira' huwa dramm originali, li filwaqt li jżomm mat-testi bibbliċi, jwassal il-passjoni ta’ Kristu minn kunċetti innovattivi li aktarx qatt ma ġew skoperti qabel. Ser ikun hemm xenarju ġdid li m’hemmx dubju li ser jingħoġob mill-udjenza. Minbarra l-interess li dan id-dramm għandu l-għan li jqanqal, żgur li ser ikun diskuss aktar wara l-wirja tiegħu. 'Għira' se jittella’ it-Tnejn 26 ta’ Marzu, fis-7.15 pm, l-Erbgħa 28 ta’ Marzu fis-7.15 pm u l-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu fid-9.15 pm fis-Sala San Duminku, Valletta. 

3. Il-Leħen – Il-Fgura
Il-Fgura Pageant Group flimkien mal-Kunsill Lokali għal sena oħra se terġa' itella' d-dramm tal- Ġimgħa l-Kbira ġewwa l-iskola primarja tal-Fgura is-Sibt 24 ta’ Marzu fis-7:30pm u l-Ħadd fl-4pm, bl-isem ta’ ‘Il-Leħen’. Se naraw bosta karattri bibbliċi u oħrajn fittizji, li flimkien ser iwassluna għall-istorja tradizzjonali. Il-passjoni ta’ Ġesù mill-perspettiva ta’ Kajfa u ta’ martu Ester. Għaliex Kajfa kien jara lill-Ġesù bħala l-għadu tiegħu? X’ wasslu biex biddel il-fehma tiegħu fl-aħħar?

4. Ġrajjet l-Imħabba fl-Isla
Senglea Drama Group qed jerġa’ jieħu ħsieb sabiex għal din is-sena, jittella’ dramm ieħor għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, ġewwa s-sala tas-Sede Azzjoni Kattolika tal-Isla. Id-dramm ser ikun qed jgħaqqad storja immaġinattiva dwar karattru illi ftit li xejn jissemma’ fil-Kotba Mqaddsa, flimkien mal-istorja tradizzjonali fuq il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. ‘Ġrajjet l-Imħabba’ ser jittella’ nhar is-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018, fis-7.30pm.  

5. ​Eżerċizzi u Mużika Sagra fl-Imdina
Waqfa biex tirrefletti u ssaħħah il-ħbiberija tiegħek ma’ Alla, megħjunin mill-Biblista Patri Joe Agius O.P. Professur tal-Iskrittura fl-Università Pontifiċja Angelicum. Nhar it-Tnejn 26, it-Tlieta 27, u l-Erbgħa 28 ta’ Marzu 2018 fis-7.30pm. Mis-6.45pm sas-7.30pm ser ikun hemm daqq ta’ mużika sagra mill- Organista John Aquilina (it-Tnejn u t-Tlieta) u mis-solista Baxx Albert Buttigieg (l-Erbgħa). Tista' iċċempel fuq +356 7927 9676.

6. 24 siegħa għall-Mulej fl-Imdina

Skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku fil-messaġġ tar-Randan, nhar il-Ġimgħa 9 u s-Sibt 10 ta’ Marzu 2018, il-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl ġewwa l-Imdina se jkun miftuħ għal erbgħa u għoxrin siegħa konsekuttiva biex joffri l-possibiltà tat-talb ta’adorazzjoni u tal-qrar sagramentali. Il-Programm jibda fis-7.00pm tal-Ġimgħa b’espożizzjoni u wara servizz penitenzjali, u jtemm is-Sibt bir-rużarju u Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-5.00pm.

 
7. Jien id-Dawl fil-Mosta
Jiena id-Dawl huwa l-isem tad-dramm oriġinali li grupp ‘The Drama Group’ se jtella' ġewwa t-teatru tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesù tal-Mosta, għal żmien ir-Randan. Fid-dramm jieħdu sehem madwar erbgħin ruħ, b’etajiet imħallta, u se jkun wieħed tradizzjonali iżda xorta b’messaġġ attwali għaż-żminijiet tal-lum. Dan id-dramm jistieden lill-udjenza biex tiltaqa' mar-realtà tal-fidi u l-ħniena t’Alla fil-ħajja ta’ kuljum. Se jsiru tliet rappreżentazzjonijiet: is-Sibt 17 ta’ Marzu fis-6.30pm u l-għada l-Ħadd 18 ta’ Marzu fis-2.30pm u fis-6.00pm

8. ​Poeżija Siekta F’Ħal Għargħur                                                                                         
Nhar Ħadd il-Palm, il-25 ta’ Marzu mill-4.30pm sad-9.30pm, se tittella’ l-produzzjoni ‘Poeżija Siekta’ mill-grupp Dwal Ġodda. Fil-5.00pm jibda l-ewwel att: mill-Milied sal-kundanna ta’ Pilatu fi żmienna. Wara, toħroġ il-purċissjoni, u l-atturi jimxu fil-purċissjoni. Mal-għabex jitwaqqfu l-vari u ma’ kull waħda, persunaġġi bibbliċi u oħrajn ta’ żmienna jiflu kif qed ‘jindifen’ dak il-leħen ġewwieni.
Se jsiru wkoll żewġ rappreżentazzjonijiet oħra tal-produzzjoni ‘Poeżija Siekta’ ġewwa Spazju Teatrali biswit il-knisja ta’ Ħal Għargħur nhar it-Tlieta u l-Erbgħa 21, 22 ta’ Marzu fis-7.30pm.

9. MA f'Ħal Luqa
Grupp ta’ atturi minn skejjel ta’ drama differenti ngħaqdu mal-għaqda teatrali SKENE biex itellgħu dramm ieħor ta’ żmien il-Ġimgħa Mqaddsa b’differenza. Id-dinja tinbidel, iż-żminijiet jinbidlu, kollox jinbidel, iżda l-Imħabba tal-omm ma tinbidel qatt. Hija din propju t-tema li fuqha huwa bbażat id-dramm: l-istorja tiegħek li int omm, u tiegħek li int iben jew bint. Hija l-istorja tal-bieraħ daqskemm hi l-istorja tal-lum. MA ser ikun qed jittella’ fit-Teatru Metanoia nhar is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Marzu 2018, fis-7.30pm. 

8. Siegħa Funebri madwar Malta
Din is-sena Tikka Banda ħejjiet proġett bl-isem 'Siegħa Funebri' b’formazzjoni magħmula minn elementi tradizzjonali bandistiċi Maltin b'repertorju ta’ siegħa, maħsub apposta għall-ftuħ ta’ esebizzjonijiet jew okkażjonijiet oħra relatati mal-Ġimgħa l-Kbira. Il-formazzjoni mużikali hi b’total ta’ 8 mużiċisti magħmula minn strumenti tan-nifs u element wieħed ta’ perkussjoni. Dawk l-organizzazjonijiet li huma interessati li jospitaw wieħed minn dawn il-kunċerti jistgħu jagħmlu kuntatt fuq 7953 9739.

9. Kunċert mill-Banda Beland fiż-Żejtun 
Nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu, is-Soċjeta` Mużikali Beland taż-Żejtun għal darb’ oħra ser ittella` l-Kunċert Annwali marbut ma’ żmien ir-Randan fil-Knisja tal-Istitut Ġesu` Nazzarenu ż-Żejtun fis-7pm. Matul dan il-Kunċert mużiko-letterarju l-Banda Beland ser teżegwixxi diversi siltiet ta’ mużika sagra, partikolarment dik relatata mal-Ġimgha Mqaddsa. Barra minn hekk, il-Banda Beland ħa twassal lill-udjenza preżenti għadd ta’ marċi funebri. Id-dħul hu mingħajr ħlas. Is-Soċjetà ser terġa ttella' l-ħames rappreżentazzjoni tagħha ġewwa l-kantini rinnovati tal-każin bl-isem Ecce Homo – rappreżentazzjoni ħajja ta' meta Kristu deher quddiem il-Gvernatur Pilatu sabiex jiġi kkundanat. Din ser tiġi esegwita f'Ħamis ix-Xirka, bejn it-8:00pm u Nofsillejl, u f'jum il-Ġimgħa l-Kbira bejn l-10:00am u Nofsinhar. Il-Mejda Artistika se tkun armata f'waħda mis-swali fis-Sala Dr. Alexander Cachia Zammit. 

10. Dramm tal-Passjoni f'Bormla
Iċ-Ċentru ta' Bormla se jtella' d-dramm tal-passjoni, 'Ġuda ta' Kedron'. Kif jixhed it-titlu tad-dramm, il-ġrajja ddur mal-persuna ta' Ġuda, bin Xmun l-Iskarjota. Naraw lil Ġuda f'kunflitt dirett għall-ħelsien ta' artu mill-ħakma tar-Rumani. Min-naħa l-oħra, naraw lil Kristu li ġie fid-dinja biex jeqred il-ħazen li spiċċa ħallas għalih b'ħajtu. Qatt daqs f'din il-ġrajja l-imħabba u l-mibgħeda ma kienu daqshekk viċin. Id-dramm ser isir is-Sibt 17 ta' Marzu fis-7.30pm u l-Ħadd 18 ta' Marzu fis-6.30pm fis-Sala tal-Kullegg De La Salle, Kottonera. Dħul b'donazzjoni ta' Eur7. 

11. Wirja ta' Ikoni fl-Imdina
Mit-12 sat-28 ta’ Marzu se ssir wirja ta’ ikoni fil-kjostru tal-Kunvent tal-Karmnu l-Imdina. Ħinijiet tal-ftuħ kuljum mill-10am sal-4pm. 20% tal-bejgħ se jmur għall-bzonnijiet tal-Karmelitani.

12. Ħarsa ta’ Kristu fil-Belt Valletta 
Kull persuna hija moħbija wara maskla, eżatt bħal dawk li fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jgħattu wiċċhom u jġorru, marbuta ma’ saqajhom, ktajjen ħoxnin. Din hi storja li tilgħab bejn ir-realizmu u dak li hu surreali. Bejn dak li jidher u dak li hu mistur. Ġrajja fejn il-bniedem jitlef il-kontroll ta’ xewqatu. Ġrajja dwar meta jitkellmu biss l-għajnejn. Kitba ta’ Joseph Galea, direzzjoni ta’ Carlos Farrugia. Ħarsa ta' Kristu se tittella' nhar it-23, 24, 25, 27, 28, u l-31 ta' Marzu 2018 fit-8.00pm u l-Ġimgħa 30 ta' Marzu fl-10.30AM ġewwa t-teatru tal-Kavallier San Ġakbu, Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta. 

12. Lignum Crucis f'Għawdex
Is-Soċjetà Filarmonika Leone qed ittella’ serata ta’ mużika u riflessjonijiet ftit qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din is-serata se tkun qed tiffoka fuq l-għuda tas-Salib ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, b’hekk l-isem Lignum Crucis. Din it-tema ġiet ispirata mir-relikwa tas-salib, meqjuma fil-Katidral t’Għawdex – fl-istess post fejn se tittella’ din is-serata nhar il-Ħadd 18  ta’ Marzu 2018, fit-8pm. Id-dħul ikun b’xejn.  

13. Ecce Mater Tua f'Ħal Qormi
L-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018 Fis-7.00pm se jittella' programm ta’ marċi funebri u Mużika kiebja mill-Banda Ċittadina u Ġorġjana Anici, fil-Knisja tal-Vitorja f’ Ħal Qormi. Imbagħad fit-8.15pm fil-Każin tal-Banda Anici,  se ssir I-inawgurazzjoni tal-Wirja mill-E.T. Dott Marie Louise Coleiro Preca President ta' Malta, u mbierka mill-W.R. Arċipriet Dun Mario Mangion. Id-dħul għall-wirja hu mingħajr ħlas. Se jkun hemm ukoll wirja oħra fix-Xelter tal-Għaqda mis-Sezzjoni Żgħażagħ Stillieri, Xelter tat-tieni Gwerra Dinjija, li jinsab fil-Pjazza tal-Vitorja f’Ħal Qormi. Miftuħ f’Ħamis ix-Xirka 29 ta’ Marzu 2018 bejn is-7.00pm u l-11.30pm u f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira 30 ta’ Marzu 2018 bejn id-09.00am u l-12.00pm. Id-Dħul mingħajr ħlas.

14. Il-Kurċifiss, Marija Madalena U Poeta Malti
Taħdita ta’ Dr Immanuel Mifsud organizzata mill-Akkademja tal-Malti se ssir nhar il-Ħamis, 15 ta’ Marzu 2018 fis-6.15pm, Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta.  Minkejja l-qdusija li biha jittratta l-kurċifiss il-Kristjaneżmu, diversi studji jilmħu kurrenti senswali ħafna fit-trattament li dan is-sinjal jingħata kemm fl-arti viżiva kif ukoll fil-letteratura. Dan jista’ jkun fattur ironiku meta wieħed jikkonsidra kemm tradizzjonalment il-Kristjaneżmu tqies bħala reliġjon li kellha l-missjoni li trażżan il-ġisem. 

15. CD Passio Christi
Passio Christi hija CD ġdida ta’ marċi funebri kompożizzjoni ta’ Mro. Saviour Seychell li ġiet imnedija fit-18 ta’ Frar 2018 fil-Każin tal-Banda Beland taż-Żejtun. Fiha nsibu sett ta’ għaxar marċi li disgħa minnhom huma ġodda u qatt ma ġew irrekordjati. Għalkemm dawn il-marċi huma tal-istess kompożitur, kollha huma varjati u kull marċ għandu l-istil tiegħu. Biex takkwista dis-CD, tista’ tibgħat messaġġ fuq 77405497 / 79638297.

16. Xbihat il-Kult Mqaddes fil-Mosta
L-Għaqda Filantropika Talent Mosti se ttella’ id-19 il-edizzjoni tas-Serata Mużiko-Letteraja bl-isem ‘Xbihat il-Kult Mqaddes’ nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu 2018 fis-7.30pm, fit-Teatru tal-Iskola Sekondarja Maria Reġina (Lily of the Valley) il-Mosta, biswit ir-Razzett tal-Markiż. B‘tislima lejn il-memorja għażiża tax-xandara Susan Mulvaney (1946-2017). Wara, se tiġi inawgurata l-20 Edizzjoni tal-Wirja tal-Passjoni bis-sehem ta’ diversi artisti u kollezzjonisti ġewwa r-Razzett tal-Markiż.

17. Figolli ta' Puttinu Cares 
Għall-għaxar sena konsekuttiva se ssir il-Cake Sale annwali b'risq Puttinu Cares, ġewwa l-parroċċi taż-Żurrieq, l-Imqabba, Ħal Kirkop, Ħal Safi, u f'Ħal Qormi (San Bastjan u san Ġorġ) nhar is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta' Marzu. Se ssir ukoll Cake Sale fl-Università ta' Malta nhar il-Ħamis 8 ta' Marzu. Għall-bookings ċempel 99791020  

18. Ecce Homo f’Ta Pinu
Is-sbuħija unika f’Ta’ Pinu se tiżżewweġ mal-arti muzikali f’kunċert għal żmien ir-Randan nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu fis-7.30pm. Schola Cantorum Jubilate, kor rinomat fil-gżejjer Maltin sejra tuża l-ispazji mill-isbaħ tas-Santwarju Ta’ Pinu, biex itella kunċert b’kunċet innovattiv bl-isem Ecce Homo. Bla dubju dan il-kunċert se jitratta temi sagri marbuta maż-żmien tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. Dħul bla ħlas.

19. Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira 2018
Il-Kummissjoni Nisa fi ħdan is-Soċjeta’ Muzikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba ser torganizza grupp għall-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ din is-sena li ser issir bejn il-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka 29 ta’ Marzu 2018 u l-Ġimgħa l-Kbira, it-30 ta’ Marzu 2018. Il-mixja tibda’ fis-2:00am minn Misraħ iż-Żjara tal-Papa fil-Mellieħa u tintemm fil-Pjazza quddiem il-Bazilika tal-Isla, fejn il-parteċipanti jkunu jistgħu jagħmlu vista lil Ġesu’ Redentur. Bookings għat-trasport isiru fuq in-numru 99570302 

20. Crucifixus f'Ħal Qormi 
Programm ta’ marċi funebri, u mużika kiebja, mill-Banda Ċittadina u Ġorġjana Anici fil-Knisja tal-Vitorja f’Ħal Qormi l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018 fis-7:00pm. Il-Banda tkun taħt id-Direzzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella  A. Mus. L.C.M., A. Mus. L.S.M., L. Mus. L.C.M., F.V.C.M. Tipreżenta l-Programm Marisa Pace. Kulħadd mistieden.

21. Ma Niċħdek Qatt f'Kordin 
Dramm tal-Passjoni u aktar – imtella' mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl. Mużika oriġinali ta' Maria Buttigieg Brooks. Kitba u reċtar mir-residenti tal-Faċilita' Korrettivà ta' Kordin. Mit-Tnejn 26 ta' Marzu sal-Ġimgħa 30 ta' Marzu. Prezz €5. Għal aktar informazzjoni żur www.mddmalta.com

22. Yeshua Minaż’rat f'Ħal Qormi 
Yeshua Minaż’rat, il-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu adattata għal xelter, fejn wieħed se jkun involut b’mod sħiħ f’dak li jkun qed jiġri quddiemu. Bis-sehem t’atturi stabbiliti, ħa jerġgħu jagħtu l-ħajja l-ġrajja u l-passjoni b’tali mod li min se jinżel fix-xelter se jgħixha u jsir parti minnha għal waqt qasir. Din l-esperjenza ta’ 30 minuta kull rappreżentazzjoni, ser tkun qed titella’ nhar il-Erbgħa 28 u Hamis 29 ta’ Marzu mit-8.00 ta’ flgħaxija ‘il quddiem, u l-Ġimgha l-Kbira 30 ta’ Marzu mid-9:00 ta’ filgħodu sa’ nofsinhar f’xelter li jinsab ħdejn il-Knisja ta’ San Ġorġ Qormi. Għal iżjed informazzjoni ċemplu fuq 79096060.

23. ​Il-Ġimgħa Mqaddsa 2018 f’San Sebastjan
Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu: fit-8:30pm – Memento Mori – Kunċert fil-Każin Pinto.
Is-Sibt 17 ta’ Marzu: fis-7.15pm- Riflessi – Programm ta’ Marċi Funebri, fil-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta.
Il-Ħamis 22 ta’ Marzu: fit-8.30pm – Ikla tradizzjonali Maltija għad-dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Każin Pinto.
Il-Ġimgħa 23 ta’Marzu – Festa ta’ Marija Addolorata: fil-5:30pm – Quddiesa.
Is-Sibt 24 ta’ Marzu: fit-8:00pm – Pesach – Ikla fuq stil Lhudi fil-Każin Pinto.
Il-Ħadd 25 ta‘ Marzu – Ħadd il-Palm:  9:00am – Purċissjoni u wara Quddiesa bil-qari tal-passju.
Mill-Ħadd 25 ta’ Marzu sal-Gimgha 30 ta’ Marzu: ‘Via Dolorosa’  – Wirja tal-Ġimgha Mqaddsa ġewwa l-Palazz Narbona, is-Sede tas-Soċjetà  Filarmonika Pinto.
L-Erbgħa  28 ta’ Marzu – l-Erbgħa tat-Tniebri: fis-7.15am Ħarġa Soċjali għal Għawdex
Il-Ħadd 1 t’April – L-Għid il-Kbir: fid-9.15am – Ħruġ tal-Purċissjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt mill-Knisja Parrokkjali

24. Concierto La Semana Santa de España fl-Imqabba
Concierto La Semana Santa de Espana huwa mtella' mill-Banda Re Ġorġ V fi ħdan is-Socjeta' Santa Marija tal-Imqabba, fl-okkazjoni tal-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa. Se tindaqq taħlita ta' siltiet minn mużika klassika u dik Spanjola, u mżewwaq bi żfin Framenco Spanjol minn Alegria Dance Company, kif ukoll akkumpanjament mill-kitarrist Even Plumpton u l-kantanta Eleanor Cassar.  Ikollna wkoll rokna letterarja minn Saviour Bianchi. San se jsir fil-Gran Salon ta' Auberge de Provence (Illum il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija), nhar l-Erbgha, 14 ta' Marzu 2018, fis-7:15pm taħt il-patroċinju tal-Onor Dr. Owen Bonnici. Żur www.santamairja.com għal aktar informazzjoni.

25. ​Longinus f’Ħal Qormi
Longinus, forsi hu l-aktar personaġġ kontroversjali, peress li ftit hija l-informazzjoni vera li nafu fuqu. Dramm fi tlett atti, Longinus ser jeħodna fi żmien it-tradizzjonijiet ta’ żmien Mose’ fejn kienet diġa bdiet tidher xi ħaġa ġdida fit-tarbija Ġesù. Dan se jsir fis-Sala tal-Iskola Primarja ta’ San Bastjan, Ħal Qormi, nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu fis-7.00pm u l-Ħadd 11 ta’ Marzu fis-2.30pm. Għal aktar dettalji ċemplu fuq 79467196. 

26. Imsikket fiż-Żejtun 
Imsikket huwa dramm illi filwaqt li jterraq il-passjoni, jisfidak tieqaf u tirrifletti fit-tbatija umana li Ġesù ta’ Nazaret sofra meta għall-imħabba tal-bniedem ħalla ruħu f’idejn l-istess bniedem. Wara kull personaġġ hemm il-mistoqsija; “Kif safa msikket? Għaliex siket? Is-skiet għażla?” Iżda fuq kollox dan id-dramm jistaqsi; “Min, fil-verita’, ġie Msikket?” Dan id-dramm ser jittella' fis-Sala tal-Juventutis Domus Sagra Familia (Triq San Girgor, iż-Żejtun) nhar is-Sibt u l-Ħadd 21 u 22 ta’ Marzu 2015, fis-7.30 ta’ filgħaxija. Booking 99470351

27. Jesus Christ Superstar f'Għawdex 
Ġewwa t-Teatru Astra r-Rabat Għawdex, se tittella' Jesus Christ Superstar, taħt id-direzzjoni ta' Hugh Wooldridge. Se jieħu sehem ukoll l-attur Ġermaniż famuż David Michael Johnson, bħala Ġesù. Fadal xi biljetti għal Ħadd il-Għid fit-3:30pm. Għal aktar dettalji ċempel 79244048.

28. Il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien f’Birkirkara
Il-wirja, bit-tema’ ‘Il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien’, hija wirja kollettiva bil- parteċipazzjoni ta’ madwar 40 esebitur minn kull età. Se jinkludi wkoll vestwarju u simboli Rumani u, mudell life size tal-Qabar ta’ Kristu, kif ukoll kapsola antika li kienet tintuża fl-Artal tar-Repożizzjoni tal-Knisja Parrokkjali. Id-dħul huwa kompletament mingħajr ħlas. Il-Wirja tiftaħ kuljum sal-Ġimgħa l-Kbira (30 ta’ Marzu) mid-9:00am sa 12:00pm u mill-4:00pm sad-9:00pm. Nhar Ħamis ix-Xirka, il-wirja tiftaħ mid-9:00am sa 12:00pm u mill-4:00pm sa 12:00am, filwaqt li fil-Ġimgħa l-Kbira, li tkun l-aħħar ġurnata tal-Wirja, il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mid-9:00am sas-1:00pm u mill-4:00pm sas-6:00pm. Din se ssir fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nru. 71,Triq Bwieraq, Birkirkara.

29. Għid il-Kbir fl-Għaqda Mużikali Sant'Elena Birkirkara 
L-ewwel attivita’ uffiċjali ser tkun nhar il-Ħamis, 22 ta’ Marzu, fejn se tittella’ Akkademja Funebri fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba ġewwa Birkirkara. Wara. se tiġi inawgurata is-Sala Kav Mro Giuseppe Busuttil’ fil-każin tal-Għaqda, fis-7.30pm. Dakinhar se jsir ukoll il-ftuħ tal-Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa bit-tema ‘Dnibt għax ittradejt demm bla ħtija.’ Il-Ħadd, 25 ta’ Marzu, se tiġi organizzata wkoll ħarġa għall-Wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Kottonera. It-tluq ikun minn ħdejn il-Każin fl-4.30 pm. Bookings fuq 77468248. Nhar Ħadd il-Għid, 1 ta’ April, 2018, l-Għaqda torganizza l-puċissjoni bl-istatwa artistika tagħha ta’ Kristu Rxoxt fis-6.30pm minn Triq Kostantinu, ħdejn il-każin u fl-aħħar tispiċċa wkoll quddiem il-każin. 

30. Wirja f'Santa Venera 
Waħda mill-attivitajiet prinċipali li jorganizza l-Kumitat Festi Esterni Santa Venera hija l-wirja marbuta ma’ żmien il-Ġimgħa l-Kbira. Din il-wirja l-Kumitat ilu jorganizzaha sa mis-sena 1985 u kull sena jkun hemm varjazzjoni f’dak li jiġi esebit. Din is-sena ser tikkonċentra fuq xogħlijiet ta’ minjaturi ta’ statwi li nħadmuminn artisti differenti – kemm Maltin kif ukoll barranin. Fost l-esebiti li ser naraw din is-sena nsibu dawk li huma x’aktarx il-buzzetti tal-figuri tad-Duluri u San Ġwann xogħol ta’ Karlu Darmanin, li nsibu fil-vara l-kbira fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Id-dħul huwa b’xejn u dan kollu ser ikun fiċ-Ċentru Parrokkjali Santa Venera f’numru 388 Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, bejn it-18 sa 30 ta’ Marzu bil-ħinijiet li huma hawn: Fost il-Ġimgħa: Mill-17:30 sat-20:00; Sibtijiet u Ħdud: Mid-09:00 sas-13:00 u mill-17:30 sat-20:00; Jum id-Duluri: Mid-09:00 sal-22:00; Ħamis ix-Xirka: Mid-09:00 sa’ nofsilejl; Nhar il-Ġimgħa l-Kbira: Mid-09:00 sas-14:00. 

31. “Purċissjoni” tal-Ġimgħa l-Kbira fil-ĦAĠAR 
Il-Mużew IL-ĦAĠAR fi Pjazza San Ġorġ Victoria issa għandu attrazzjoni ġdida għar-Randan. Din tikkonsisti f’mijiet ta’ “pasturi” rranġati f’kamra (livell 2) bħala purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira ddur mat-triqat tar-Rabat. Il-ħinijet tal-ftuħ huma 9am sal-5pm sebat ijiem fil-ġimgħa. M’hemmx ħlas tad-dħul. 

32. Ġrajjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Marsa
Il-Pageant Group ‘Marija Reġina’ se jippreżenta l-pageant dwar il-ġrajja tal-fidwa tal-bniedem, bis-sehem ta’ madwar 300 persuna, fit-toroq tal-Marsa nhar il-Ħadd, 25 ta’ Marzu, fil-5.30 p.m. Il-Wirja Artistika ta’ xogħol maħdum b’melħ ikkulurit fi kwadri u platti se tkun inawgurata nhar il-Ħamis, 22 ta’ Marzu  Il-Kumitat Festi Esterni Marija Reġina se jippreżenta t-tieni edizzjoni taċ-Ċenaklu Ħaj, bl-isem ‘Ikun Li Trid Int’ bejn it-Tnejn, 26 u l-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu, fil-Maħżen tal-Armar, biswit il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Reġina. Is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa se tippreżenta l-Kunċert ta’ Mużika Sagra, “Pie Jesu”, nhar it-Tnejn, 26 ta’ Marzu, fis-7.00p.m., fil-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa. Il-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira fi ħdan l-istess Soċjetà se ttella’ l-Wirja bl-isem ta’ “In Manus Tuas, Domine, Commendo Spiritum Meum” fis-Sala ‘Anton Cassar’ tal-Każin tal-Banda, mill-Ħadd, 25 sal-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu.

33. Is-Sinjal tas-Sultan f’ Birkirkara
Wirja bl-isem ta' "Vexilla Regis" (Is-Sinjal tas-Sultan) insibu l-mejda ta’ l-appostli fejn wieħed jista’ jammira diversi platti u kwadri maħduma bis-smid, ross u għagin ikkulurit, kif ukoll sett statwi tal-appostli. Bħal kull sena il-Kummissjoni TEAK dejjem taħseb għal dik l-attrazzjoni speċjali u fil-wirja ta' din is-sena se jkun hemm għas-sbatax-il sena konsekuttiva kwadru kbir b’qies ta’ 12-il pied bi 8 piedi maħdum kollu bis-smid ikkulurit u juru xena meħuda mill-Passjoni ta' Sidna Ġesù Kristu. Il-ftuħ uffiċjali tal-wirja ser isir nhar l-Erbgħa 21 ta' Marzu u tibqa miftuħa sas-Sibt 31 ta' Marzu. Matul il-ġimgħa l-wirja tiftaħ mis-6pm sad-9pm; is-Sibt u l-Ħadd tiftaħ bejn is-6pm u l-10.00pm; Ħamis ix-Xirka tiftaħ bejn is-6pm u l-11.00pm; Fil-Ġimgħa l-Kbira bejn id-9am u s-1.00pm; F'Sibt il-Għid bejn id-9am u s-1.00pm.

34. Jubilate Deo fin-Naxxar
Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu fis-7.30pm il-Kor Jubilate Deo ser ikun qed itella’ l-kunċert annwali tiegħu ta’ żmien il-Passjoni fil-Knisja Arċipretali tan-Naxxar. Matul l-ewwel parti tas-serata, ibbażat fuq kunċett oriġinali tad-Direttur Mużikali Christopher Muscat, il-Cappella Gregoriana fi ħdan l-istess kor ser tkun qed twaħħad il-kant gregorjan tal-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa flimkien ma’ kompożizzjonijiet oriġinali għall-perkussjoni, miktubin u esegwiti minn Renzo Spiteri. Fit-tieni parti tal-kunċert il-kor ser ikun qed jesegwixxi ix-xogħol monumentali ta’ Franz Liszt Via Crucis: xogħol li jagħti interpretazzjoni mużikali drammatika ħafna tal-erbatax-il stazzjon tas-Salib. Mal-kor jingħaqdu il-mezzo-soprano Claire Massa, il-baritonu Louis Andrew Cassar u l-organista Ronald Camilleri li ser ikun qed idoqq l-orgni storiku Santucci tal-1775 li jinsab fil-parroċċa tan-Naxxar. Għalkemm id-dħul huwa b’xejn, wieħed għandu jirriserva l-biljetti tiegħu billi jibgħat imejl fuq info@jubilatedeo.com

35. VIA, VERITAS ET VITA fiż-Żejtun
L-għaqda taż-żgħażagħ ŻOEY għall-ewwel darba se tkun qed ittella' rappreżentazzjoni ħajja tal-Aħħar Ċena bl-isem VIA, VERITAS ET VITA, it-Triq, il-Verità u l-Ħajja, fiċ-Ċentru Arti u Artiġjanat (maġenb il-banka tal-Lottu/quddiem id-Domus) Triq San Girgor, iż-Żejtun. Din ir-rappreżentazzjoni se tkun unika hekk kif se tkun qed tittella' f'torri li jmur lura għal aktar minn 400 sena. Dan it-torri se jkun qed jinbidel għal għorfa fejn fil-verità kienet saret l-Aħħar Ċena, b'effetti wkoll tad-dawl u l-mużika, li din se ddaħħal il-pubbliku f'aktar emozzjoni. Rappreżentazzjoni ħajja li hi miktuba miż-żgħażagħ stess ta' din l-għaqda, u tiġbor fiha l-evanġeli differenti mill-Bibbja. Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ tar-rappreżentazzjoni: Ħadd il-Palm 25 ta' Marzu: mid-9.00am sa 12.00 pm; l-Erbgħa tat-Tniebri 28 ta' Marzu: mis-7.00pm sad-9.00pm; il-Ħamis ix-Xirka 29 ta' Marzu: mit-8.00pm 'il quddiem; il-Ġimgħa l-Kbira 30 ta' Marzu: mid-9.00 am sa 12.00pm. Id-dħul huwa bla ħlas.

36. Crocefisso fil-Gudja
B’differenza minn diversi wirjiet li naraw matul dawn iż-żminijiet tar-Randan, din il-wirja tiffoka fuq il-kurċifiss. Fil-fatt, din il-wirja fiha aktar minn 500 kurċifiss differenti, b’qisien u dimensjonijiet differenti li jkomplu jagħmlu din il-wirja aktar ikkulurita. L-eqdem salib li jinsab f’din il-kollezzjoni jmur lura 500 sena, bi slaleb oħra ġejjin minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, b’oħrajn aktar riċenti. Insibu diversi kurċifissi li ħarġu minn idejn artisti Maltin, biss insibu wkoll kurċifissi minn madwar l-Ewropa kollha, fosthom mill-Italja, Ġermanja, Franza, Spanja kif ukoll Ġerusalemm. Il-wirja se tinfetaħ nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu 2018 fl-10am u se ssir fi Triq Ħal Resqun, il-Gudja. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa Sibt il-Għid. 

37. Passio Kunċert ta’ Muzika Sagra
Il-Banda San Girgor, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mark Gauci, se tesebixxi siltiet ta’ mużika sagra u funebri, marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa flimkien ma' riflessjonijiet adattati għall-okkażjoni, f’dan l-istess kunċert ser jiġi mfakkar is-Sur Ġużeppi Micallef li kien tilef ħajtu 15 –il sena ilu fl-istess Santwarju Parrokkjali, kif ukoll ser tinagħta tislima lir-Rev. Kan Lino Vella b’marċ ġdid bl-isem "Karba"  li ser jindaqq għall-ewwel darba fl-istess okkażjoni, kompożizzjoni tas-Surmast Mark Gauci. Dan il-kunċert ser isir nhar is-Sibt, 24 ta’ Marzu fis-7.30pm fis-Santwarju Parrokkjali Ta’ Kerċem. Dħul b’xejn.