Fejn tista’ tmur b’inqas minn €100 dan is-sajf?

Ħafna minna jsibuha bit-tqila biex isiefru fis-sajf, minħabba li l-prezzijiet tat-titjiriet għandhom tendenza jkunu ogħla, speċjalment meta wieħed iħalli għall-aħħar.
Dan is-sajf tista’ żżur diversi bliet Mediterranji u Ewropej b’inqas minn €100 f’titjiriet, bir-ritorn.
Għall-baħar u ikel bnin, fil-Mediterran, wieħed jista’ jżur Ateni fil-Greċja, il-Marokk, kif ukoll għadd ta’ bliet fl-Italja – bliet fi Sqallija bħal Katanja, Comiso, Palermo, fiċ-ċentru tal-pajjiż – Ruma u Pescara, fit-Tramuntana – Piża, Bolonja, Turin, Venezja u Milan.
Vjaġġ lejn il-Belt ta’ Cagliari f’Sardenja jista’ jiswa inqas minn €100 ukoll.  
Jekk wieħed iddejqu x-xemx u s-sħana qawwija fil-Mediterran, jista’ jivvjaġġa lejn bliet fil-Punent tal-Ewropa bħal Brussell fil-Belġju, Nottingham u Bristol, fl-Ingilterra, Berlin, Nuremberg, Munich u Cologne fil-Ġermanja.
Bl-istess ammont ta’ flus f’titjiriet, wieħed jista’ jżur diversi bliet fiċ-ċentru tal-Ewropa, fosthom, Vjenna fl-Awstrija, Zurich fl-Iżvizzera, Stockholm fl-Iżvezja, u Eindhoven fl-Olanda.
Għal dawk li jixtiequ jivvjaġġaw lejn il-Lvant tal-Ewropa, u jiltaqgħu ma’ kulturi kemxejn differenti minn dik Mediterranja,  titjiriet lejn Bratiżlava fis-Slovakkja, Riga fil-Latvja, Skopje fil-Maċedonja  u Sofija, il-kapitali tal-Bulgarija, jistgħu jinxtraw b’inqas minn €100.