Fejn tista’ ssiefer minn għada?

Miguela Xuereb

Għada se jerġa’ jiftaħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li għamel madwar tliet xhur magħluq minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Peress li għadd kbir ta’ każijiet bdew jiġu impurtati minn pajjiżi oħra permezz tas-safar, il-Gvern deherlu li jkun għaqli li ma jibqgħux deħlin barranin f’Malta sabiex tiġi kkontrollata l-imxija. Fl-aħħar xhur, is-sitwazzjoni donnha marret għall-aħjar, u għalhekk, minn għada, in-nies jistgħu jivvjaġġaw minn u lejn Malta mill-ġdid, iżda mhux għal kullimkien. L-ajruport se jibda jillaxka r-restrizzjonijiet gradwalment.

Pajjiżi fejn tista’ tivvjaġġa mill-1 ta’ Lulju:

  • L-Iżlanda
  • Slovakkja
  • Ċipru
  • Il-Litwanja
  • Il-Latvja
  • In-Norveġja
  • L-Iżvizzera
  • L-Estonja
  • Id-Danimarka
  • L-Ungerija
  • L-Awstrija
  • Il-Lussemburgu
  • Il-Ġermanja
  • Ir-Repubblika Ċeka,
  • L-Irlanda
  • Il-Finlandja
  • L-Italja (ħlief Emilia-Romagna, Lombardia u Piemonte)
  • Franza (ħlief Ile-de-France)
  • Spanja (ħlief Madrid, Katalunja, Castilla-La Mancha u Castile & Leon)
  • Il-Polonja (ħlief l-Ajruport Katowice)
  • Il-Greċja
  • Il-Kroazja

L-aħħar sitt pajjiżi msemmija ma kinux tħabbru oriġinarjament, iżda żdiedu mal-lista madwar ġimagħtejn wara li tħabbru l-ewwel 17-il pajjiż. L-Iżrael oriġinarjament kien fil-lista, iżda tneħħa meta s-sitwazzjoni tal-coronavirus ħadet xeħta agħar fil-pajjiż.

Fil-15 ta’ Lulju, imbagħad, se jiġu llaxkati l-miżuri kollha, jiġifieri se jkun jista’ jsir safar fil-pajjiżi kollha b’mod normali, għalkemm b’xi miżuri preventivi bħall-użu tal-maskri jew visors.

Fl-ajruport ġew implimentati għadd ta’ miżuri sabiex jiġi assigurat li l-ivvjaġġar ikun sigur, pereżempju apparat li l-passiġġiera jistgħu jiskenjaw il-passaport u l-biljett tat-titjira fuqu, minflok ma jiċċekkjawhomlhom il-ħaddiema tal-ajruport.

Permezz ta’ apparat ieħor, se jiġi mmoniterjat il-moviment tan-nies, sabiex jekk uħud ikunu wisq viċin ta’ xulxin, dawn jiġu avżati sabiex jitferrxu. Il-kameras li jiċċekkjaw jekk persuna għandhiex id-deni, li kienu ntużaw fil-bidu tal-imxija tal-coronavirus, se jibqgħu jintużaw.

Min jivvjaġġa jrid jilbes il-maskra l-ħin kollu fuq l-ajruplan, u idealment anke ġol-ajruport. Dan kien tħabbar mil-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta.

Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret għadd ta’ miżuri li se tieħu hi wkoll minn għada. Dawn jinkludu:

  • L-ilbies tal-maskri jew visors
  • It-teħid tat-temperatura tal-passiġġiera
  • L-inkoraġġiment li kulħadd jaħsel idejh u juża l-hand sanitiser b’mod frekwenti
  • Imbuttatura għall-online check-in
  • Self-service sabiex dak li jkun iħalli l-bagalja tiegħu
  • Ammont ta’ bagalji limitat; il-passiġġiera huma mħeġġin jivvjaġġaw b’massimu ta’ żewġ bagalji biss
  • Il-projbizzjoni ta’ kjuwijiet, kemm qabel il-passiġġiera jitilgħu fuq l-ajruplan, u anke abbord l-ajruplan, għat-tojlit
  • Pagamenti bil-kard minflok bi flus kontanti

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn