“Fejn se nħallu t-tfal meta jkollhom skola mid-dar?” – Ġenituri li jaħdmu

Ġenituri li jaħdmu huma mħassbin dwar fejn se jħallu lil uliedhom jekk dawn ikollhom xi ġranet meta jkollhom isegwu l-lezzjonijiet mid-dar minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) xerrdet messaġġ fuq il-paġna tagħha fuq Facebook li rċeviet mingħand ġenituri li jaħdmu bħala għalliema. Iben dawn il-ġenituri jmur ġo skola tal-Knisja li ddeċidiet li talterna l-ġranet meta l-istudenti jattendu l-iskola, jiġifieri jkun hemm grupp ta’ studenti li jattendi xi jiem, u grupp ieħor li jattendi xi jiem oħra, b’sistema ta’ ġurnata iva u ġurnata le.

Dawn il-ġenituri qalu li qed jaffaċċjaw problema dwar fejn se jħallu lil uliedhom meta dawn ma jattendux l-iskola.

“Forsi veru hemm min għandu n-nanniet imma dawn jistgħu jkunu vulnerabbli jew m’għandhomx saħħa għal dan u hemm min m’għandu lil ħadd. Fl-istess waqt it-tfal għadhom żghar biex jibqgħu waħedhom id-dar.”

Huma staqsew x’soluzzjoni jista’ jkun hemm għal din il-problema. Bħala għalliema staqsew jekk jistgħux jingħataw permess jaħdmu mid-dar, jew jistgħux jieħdu lil uliedhom magħhom fuq il-post tax-xogħol.

“Ġimgħa waħda baqa’, u veru inkwetati, it-tensjoni flok tonqos iktar tiżdied!” komplew jgħidu. Kien hemm ġenituri oħra li rreaġixxew għal din il-kitba u qalu li huma ma jaħdmux bħala għalliema, imma għandhom l-istess problema li ma jistgħux joqogħdu ma’ wliedhom meta dawn ikunu jridu jsegwu l-lezzjonijiet mid-dar, peress li jaħdmu.

Din il-ġimgħa, billi l-każijiet tal-coronavirus reġgħu żdiedu ġmielhom, b’rekord ta’ każijiet f’ġurnata waħda, il-UPE appellat biex l-iskejjel ma jinfetħux. L-iskejjel suppost li għandhom jiftħu ġimgħa oħra, fit-28 ta’ Settembru.

L-appell tal-UPE lill-PM
“Agħlqu l-iskejjel” – UPE