Fejn se jżur il-Papa meta jiġi Malta?

Read in English.

Bosta huma dawk li qed jippruvaw jaqtgħu fejn se jmur il-Papa Franġisku meta jżur Malta fil-31 ta’ Mejju li ġej.

Il-programm għadu ma ġiex iffinalizzat imma hemm tendenza li tiġi segwita f’ħafna żjajjar tal-Papa, u għaldaqstant wieħed jista’ jassumi li din tkun addattata għal Malta wkoll. Fid-dawl ta’ dan kollu, b’rabta wkoll ma’ dak li diġà ntqal, Newsbook.com.mt qed iniżżel il-possibilitajiet.

Żjara f’Ta’ Pinu: ikkonfermata

F’dan il-ħin, esperti mill-Vatikan u uffiċjali tal-Kurja f’Malta qed iżuru siti f’Malta biex jikkonkludu t-tfassil tal-programm. Illum se jżuru Għawdex ukoll.

Din hija waqfa li nafu li l-Papa żgur se jagħmel. L-Isqof Mario Grech ħabbar li l-Papa se jżur is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.

Il-Palazz tal-President: ċertezza

Il-Papa jasal l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta filgħodu. Il-ħin għadu ma tħabbarx.  Il-possibilità li jmur Għawdex mill-ewwel hija minima ħafna.

L-ewwel waqfa li ġeneralment jagħmel Papa f’pajjiż li jkun qed iżur, tkun lill-mexxejja politiċi tal-pajjiż. Għaldaqstant hemm possibilità li mill-ajruport jibqa’ sejjer fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Hemmhekk jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet u probabbli jagħmel diskors.

Quddiesa fuq il-Fosos: m’hemm l-ebda dubju

Żgur li jiċċelebra Quddiesa. X’aktarx din issir fuq il-Fosos tal-Furjana. Qrib il-Belt Valletta, fejn hemm ċans kbir li ssir l-ewwel laqgħa tiegħu. Il-Fosos huwa post adattat għall-attivitajiet tal-massa.

Franġisku se jabbanduna lil Pawlu? M’hemmx probabbiltà

Iż-żjara fil-Palazz tal-President u l-Quddiesa mistennija jieħdu n-nofstanhar ta’ filgħodu kollu. Il-Papa żgur li jkollu bżonn jiekol xi ħaġa u jistrieħ ftit. Ġeneralment jagħmel dan fin-Nunzjatura Appostolika fir-Rabat. Żgur li jekk imur in-Nunzjatura, iżur il-Grotta ta’ San Pawl, li tinsab kważi kemm iddur kantuniera.  Il-Papa Franġisku mhux se jkun l-eċċezzjoni u mistenni jagħmel bħalma sar fl-aħħar tliet żjajjar Papali f’Malta.

Fejn x’aktarx li jmur wara sjesta fir-Rabat?

Għawdex?

Probabbli jżur Għawdex, u minħabba l-limitazzjonijiet tal-ħin x’aktarx imur b’ħelikopter. Se jkun possibbli li ħelikopter jinżel qrib in-Nunzjatura jew se jitwassal l-ajruport? M’għandniex risposta.

Peress li l-Quddiesa x’aktarx tiġi ċċelebrata fil-Furjana, mhux mistenni li jiċċelebra Quddiesa oħra f’Għawdex. Possibbli li minflok issir ċelebrazzjoni liturġika ta’ filgħaxija, jew kif inhi magħrufa l-Vespri.

Minn Għawdex il-Papa jerġa’ lura Malta. Se jmur direttament l-ajruport biex imur Ruma?

Se jitkellem dwar l-immigranti jew iżurhom ukoll?

Kien hemm stennija għaż-żjara tal-Papa, li qanqalha l-Papa nnifsu. F’okkażjonijiet differenti fl-aħħar ġimgħat tkellem dwar Malta fil-kuntest tal-miġja ta’ San Pawl. Huwa rrefera wkoll għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni. L-ewwel vjaġġ tiegħu barra l-Vatikan kien f’Lampedusa u s-suġġett tal-immigrazzjoni huwa wieħed mit-temi li repetutament jirreferi għalihom.

M’hemmx dubju li l-Papa jitkellem dwar l-immigrazzjoni waqt iż-żjara tiegħu f’Malta. Imma se jkun qed jaġixxi wkoll? Meta wieħed jikkunsidra kemm il-Papa Franġisku huwa persuna li taġixxi, it-tweġiba probabbilment tkun fl-affermattiv.

Din tista’ tieħu xejriet differenti. Immigranti jistgħu jkunu preżenti waqt il-Quddiesa jew jista’ jkun hemm żjara qasira minn grupp fin-Nunzjatura. Inkella l-Papa jżur post fejn joqogħdu l-immigranti. Jekk tintgħażel it-tielet alternattiva, m’hemmx wisq postijiet fejn jista’ jmur. Kollox jiddependi jekk din iż-żjara ssirx fi triqtu lejn il-Belt Valletta filgħodu jew fi triqtu lejn ir-Rabat. Jista’ jkun ukoll li ż-żjara ssir fil-ħin li jirritorna minn Għawdex, qabel jaqbad l-ajruplan lejn Ruma.

Nistennew il-programm uffiċjali għal aktar dettalji.