Fejn qed imorru l-flus mill-bejgħ tal-passaporti?

DOI - Clifton Fenech

Il-flus li qed jidħlu mill-bejgħ tal-passaport Malti permezz tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP) qed imorru għal numru ta’ inizjattivi fil-komunità mmexxija u ffinanzjati mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (NDSF).

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli. Waqt it-tielet edizzjoni ta’ ‘Looking Ahead – the Futur of Residency & Citizenship by Investment’, Farrugia Portelli spjegat li l-fond nazzjonali bħalissa hemm fih €544 miljun li ġew mill-programm. Il-fond s’issa investa €206 miljun f’sigurtajiet lokali u barranin.

Intqal li madwar €91.5 miljun marru lejn proġetti soċjali ta’ importanza nazzjonali. L-investiment mistenni jgħin familji vulnerabbli. Farrugia Portelli semmiet li €1 miljun marru għall-Isptar Mater Dei. Dan sabiex jinxtraw teknoloġiji ġodda fejn jidħlu operazzjonijiet kardijaċi. Dan l-investiment se jolqot 3,000 persuna. Issa dawn il-persuni se jiffrankaw l-iskariġġ li jsiefru għall-kura, skont Farrugia Portelli.

Il-fond nazzjonali se jkun qed jinvesti wkoll €10 miljun fiċ-ċentri tas-saħħa pubblika. Farrugia Portelli spjegat li l-investiment se jolqot tmien ċentri u 54 berġa tad-distrett. Bħala eżempju semmiet iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira li se jara investiment ta’ €1.5 miljun. Iċ-ċentru partikolari jolqot 72,000 tal-popolazzjoni u jara mal-125,000 persuna żżuru fis-sena.

Intant, Puttinu Cares irċieva kontribut ta’ €6 miljun sabiex ikompli fil-ħidma tiegħu għall-kisba ta’ appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra. €1 mljun ħarġu bħala donazzjoni diretta mill-applikanti għaċ-ċittadinanza Maltija. Il-proġett ta’ Puttinu Cares huwa stmat li se jiswa €20 miljun.

Farrugia Portelli semmiet li l-fond nazzjonali ikkommetta li jagħti €60 miljun għal 1,000 appartament tal-housing soċjali fi 22 sit differenti, li jinsabu fi 12-il lokalità. Qalet li l-proġett mhux se jkun qed iħares biss lejn familji fil-bżonn, imma se jkun qed jaħdem għal futur sostenibbli b’mod ambjentali, soċjali u ekonomiku. €6 miljun oħrajn se jkunu investiti fl-istrateġija nazzjonali tal-Gvern għall-isport.

Matul l-aħħar erba’ snin, ħarġu wkoll mas-625 donazzjoni għal Għaqdiet Mhux Governattivi (NGOs) bil-valur totali jaqbeż l-€4 miljun. Dawn kienu fl-oqsma tal-arti, il-kultura, filantropija u l-wirt storiku.