“Fejn m’hemmx qbil fuq l-etika, niddikjaraw vot ħieles mill-ewwel” – Adrian Delia

Il-Kandidat għall-elezzjoni tal-kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia ħabbar illi beħsiebu jagħti vot ħieles lill-membri parlamentari fejn ma jkunx hemm qbil sħiħ dwar temi etiċi.
Fi stqarrija, Delia qal li fix-xhur li ġejjin, il-PN se jaffaċċja liġijiet li bihom in-naħa tal-Gvern se tipprova taqbad fuq sieq waħda lill-partit u tifirdu fuq kwistjonijiet etiċi u morali.
Delia saħaq illi l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti għandhom ikollhom libertà għall-espressjoni, f’kuntrast ma’ dawk tal-Partit Laburista fejn allegatament min ma jaqbilx mal-mexxej tagħhom ma jiftaħx ħalqu.
“Irridu nagħmlu politika ta’ verità fejn kulħadd jista' jitkellem u jivvota b’kuxjenza nadifa,” sostna Adrian Delia.
Il-kandidat qal li jrid jitneħħa l-partiġġjaniżmu minn temi sensittivi, bil-possibiltà li kulħadd jivvota b’kuxjenza nadifa. Temm billi qal li l-PN irid ikollu qafas li fih tinġabar ir-riċerka mill-esperti biex kwalunkwe pożizzjoni li jieħu l-partit tkun waħda xjentifikament infurmata.