​Fejn l-iktar jagħtu ċitazzjonijiet il-pulizija u l-gwardjani?

Għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku, il-pulizija jagħtu l-ikbar ammont ta’ ċitazzjonijiet f’Ħal Qormi u l-gwardjani lokali fil-Belt Valletta. Fl-2015, iċ-ċitazzjonijiet tal-pulizija laħħqu kważi t-52,900, li hu 3% inqas mill-2014. Il-gwardjani lokali ħarġu 228,361 ċitazzjoni, 35% iktar fuq is-sena ta’ qabel.
Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħti dettalji fl-ewwel kompendju reġjonali ta’ Malta għall-2015.
Wara Ħal Qormi bi 3,627 ċitazzjoni tal-pulizija, hemm San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Marsa, l-Imsida, Raħal Ġdid, il-Mosta, Birkirkara, Tas-Sliema u l-inqas ċitazzjonijiet inħarġu f’Ħ’Attard.
Wara l-Belt Valletta bi 19,234 ċitazzjoni, il-gwardjani taw l-iktar ċitazzjonijiet fil-Floriana, San Pawl il-Baħar, Ħal Qormi, San Ġiljan, il-Ħamrun, Raħal Ġdid, San Ġwann u l-inqas f’Marsaskala.
Ħ’Attard: L-inqas ċitazzjonijiet tal-pulizija; l-iktar tal-ispeed camera
Fl-2015, il-kontravenzjonijiet ta’ veloċità żejda laħħqu l-74,101 li 88% minnhom kienu jimmarkaw inqas minn 15-il kilometru fis-siegħa iktar mil-limitu tal-veloċità. Il-kamera li qabdet l-ikbar numru ta’ vetturi kienet dik installata fi Triq in-Nutar Żarb, Ħ’Attard, b’total ta’ ftit inqas minn 14,000 kontravenzjoni.
221 vettura misruqa f’sena
Fl-2015, insterqu 221 vettura, il-maġġoranza miż-żona tat-tramuntana tal-port li tinkludi Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, il-Ħamrun, l-Imsida, Pembroke, San Ġwann, Santa Venera, San Ġiljan, Swieqi, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà u Tas-Sliema.
F’Għawdex l-inqas li ġew rappurtati każi ta’ serq ta’ karozzi.
Fl-istess sena, l-iktar li seħħew inċidenti tat-traffiku kien f’Birkirkara u l-inqas f’San Ġiljan.