Fejn kien sejjer Yorgen Fenech?

Is-sit marinetraffic.com juri l-movimenti tal-jott ta' Fenech

Read in English.

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu, meta allegatament kien se jaħrab minn Malta fuq il-jott tiegħu. Il-Forzi Armati ta’ Malta interċettaw il-jott għall-ħabta tal-5am. Id-dgħajsa twaqqfet madwar 2.5 kilometru ‘l barra minn Portomaso u daħlet lura.

Skont informazzjoni li waslet għand Newsbook.com.mt Fenech kien sejjer Franza biex minn hemmhekk jitla’ abbord dgħajsa oħra, Gio 2, li bħalissa tinsab f’Villeneuve-Loubet Plage fi Franza. Din id-dgħajsa hi tal-għamla Ferretti tal-2018 u fiha 26 metru. Skont is-sit ta’ The Times, il-jott tinsab għall-bejgħ għas-somma ta’ €4 miljun.

Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Is-sit marinetraffic.com jirreġistra l-itinerarji tal-opri tal-baħar kollha madwar id-dinja. Dwar il-jott Gio, juri li qabeż is-Sikka tal-Merkanti u St George’s Rock (Il-Blata ta’ San Ġorġ), żewġ pożizzjonijiet magħrufa mas-sidien tad-dgħajjes. Kien hemmhekk li d-dgħajsa rrankat fil-veloċità u kienet qed tinstaq b’medja ta’ 9.1 mil nawtiku fis-siegħa u massimu ta’ 11.5 mili nawtiċi fis-siegħa fid-direzzjoni tal-Grigal Lvant.

Ftit li xejn jeżistu dettalji tal-għamla tal-jott li fih 23 metru tal-marka Riva, li hi stmata li tiswa €1.5 miljun. Id-dgħajsa ssemmiet għal George, missier Yorgen Fenech. Madanakollu, l-istess sit iniżżel li d-dgħajsa ħalliet Portomaso fil-5.16am u l-ħin approssimattiv tal-wasla baqa’ mhux magħruf.

Dan l-iżvilupp fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qanqal ħafna reazzjonijiet. Saru diversi sejħiet għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Sejħiet għar-riżenja ta’ Muscat, Mizzi u Schembri

Sid 17 Black jirriżenja minn Tumas Group