“Fejn kien hemm in-nisa l-affarijiet imxew aħjar” – Abela

Aġġornat 01:53 PM
Robert Abela

Read in English.

Fejn kien hemm iżjed nisa, l-affarijiet imxew aħjar. Dan qalu l-Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika fin-Naxxar.

Hu rrefera għall-pjanijiet li qed jiġu mfassla sabiex ikun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament Malti. Sostna li r-realtà hi li fil-Parlament ma hemmx biżżejjed parteċipazzjoni tan-nisa. Qal li filwaqt li r-raġunijiet għal dan huma varji, ir-realtà hija dik. Sostna li sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, se jkun hemm mekkaniżmu li jekk ikun hemm sess b’inqas rappreżentaza fil-Parlament, se jiżdiedu s-siġġijiet biex jingħata l-opportunità is-sess li jkun fil-minorita.

Hu tkellem ukoll dwar kif il-prostituzzjoni mhux se tibqa’ titqies bħala kriminalità. Sostna li ħafna mill-prostituti ma jkunux jafu aħjar għax trabbew f’ambjent fejn ma tħallewx b’għażla oħra ħlief li jmorru għal dan ix-xogħol. Qal li għaldaqstant mhux se jippermetti li dawn il-persuni jintbagħtu l-ħabs minflokk jingħataw l-għajnuna. Spjega li ħafna minnhom jibdew fil-prostituzzjoni fl-età tenera ta’ 12-il sena.

“Randolph se jkollu parti importanti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss”

Abela sostna li jitbissem meta jaqra l-artikli fil-medja dwar Randolph Debattista. Dan kien iservi bħala Kap Eżekuttiv Elwieni tal-Partit. Filwaqt li rringrazzjah tal-ħidma tiegħu, Abela qal li ma jqisx din it-tneħħija tiegħu bħala kapitlu magħluq, iżda bħala opportunità għalih, anke fi ħdan l-istess partit. Qal li hu tkellem ma’ Debattista fejn ġie deċiż li se jkollu rwol ċentrali għall-PL għall-kampanja tal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Niddiskutu ma’ Steward Health Care wara li jonoraw il-ftehim”

Intant, dwar l-aħħar avvenimenti fejn jidħol il-bejgħ tal-isptarijiet lil Steward Health Care, Abela qal li filwaqt li fis-sitwazzjoni hemm ħafna affarijiet li huma tajbin, hemm aspetti oħra li ma jissodisfawhx. Qal li wara li sar stock take tas-sitwazzjoni, instabet id-direzzjoni li jridu jmorru fiha. Qal li l-ewwel deċiżjoni kienet li Steward iridu jonoraw u jobdu l-kundizzjonijiet kollha tal-bejgħ li huma marbutin bihom. Qal li minn hemm ‘il quddiem ikunu jistgħu jpoġġu mal-mejda u jiddiskutu.

“Abela injora l-falliment tal-Gvern tiegħu fl-ambjent” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li Abela qed juża’ kliem sabiħ biex jgħatti l-falliment tal-Gvern Laburista. Il-PN qal li l-bdiewa huma dawk li qed iħallsu għall-fallimenti tal-Gvern, “meta jrid li jeħdilhom r-raba biex ikabbar l-landfill tal-Magħtab.”