Linji gwida għan-nies vulnerabbli maħruġin ilbieraħ “antiki”; oħrajn dalwaqt

Miguela Xuereb

Dokument ippubblikat mill-Ministeru għas-Saħħa jispjega x’jistgħu u ma jistgħux jagħmlu n-nies vulnerabbli f’dan l-istadju, qabel ma jidħol fis-seħħ l-illaxkar tal-miżuri restrittivi meħudin minħabba l-imxija tal-coronavirus. Il-Ministeru ppubblika dan id-dokument f’Ġunju, iżda qal li dawn huma linji gwida “antiki” u se joħorġu oħrajn aġġornati fil-jiem li ġejjin.

Il-Ministeru għas-Saħħa elenka l-iżjed ħarġiet li huma ta’ periklu għal nies vulnerabbli, jiġifieri għall-anzjani u għan-nisa tqal, fost l-oħrajn, u ħarġa ġo każin hija waħda mill-aktar affarijiet ta’ periklu li jistgħu jagħmlu, apparti s-safar u li jmorru għal attivitajiet pubbliċi bħall-festi.

Minn nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Ġunju, kulħadd jista’ jmur lura għax-xogħol, inkluż in-nies vulnerabbli. Madankollu, in-nies vulnerabbli idealment jaħdmu mid-dar.

  • Sport: idealment l-eżerċizzju fiżiku jsir ġewwa; mixja jew ġirja barra fejn ma jkunx hemm nies hi permessa
  • Mhuwiex rakkomandat li n-nies vulnerabbli jpoġġu fuq bank jew jieqfu jixtru minn xi kjosk
  • Dawra bil-karozza ma’ nies mill-istess dar rakkomandata; ma’ nies minn dar oħra le
  • Żjarat fid-djar: Jekk qraba jżuru lin-nies vulnerabbli f’darhom, idealment joqogħdu f’bitħa, bejt jew ġnien; iż-żjara ma ddumx wisq; jintlibsu visor jew maskra; tinżamm id-distanza; ikun limitat in-numru ta’ żjarat u ta’ persuni minn djar differenti fil-ġimgħa
  • Tfal: Għalkemm mhux rakkomandat li l-anzjani jieħdu ħsieb it-tfal, jekk dan ikollu jsir, idealment dawn ma jkunux marru ġo childcare centre

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li minkejja li issa l-ħruġ għan-nies vulnerabbli huwa aktar sigur, xorta waħda l-aqwa mod kif dawn jipproteġu lilhom infushom huwa billi joqogħdu ġewwa. Issuġġerew, pereżempju, li jekk xi qraba jistgħu jagħmlu x-xirja għan-nies vulnerabbli, isir dan sabiex dawn ma joħorġux mid-dar.

In-nies vulnerabbli huma anzjani ta’ aktar minn 65 sena, nisa tqal li jkunu qabżu t-28 ġimgħa tqala, ommijiet u trabi tat-twelid li jkollhom inqas minn xahar, nies b’kundizzjonijiet kroniċi, fosthom pazjenti morda bil-kanċer, jew b’xi problemi tal-qalb, jew pazjenti li temmew kors ta’ steroids jew suppożitorji fl-aħħar 10 ijiem.

Rigward appuntamenti mediċi, jekk dawn jistgħu jsiru virtwalment ikun aħjar, qalu l-awtoritajiet, iżda jekk dak li jkun ikollu jattendi għal appuntament, għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji billi jżomm id-distanza fiżika minn nies oħra, iġorr sanitiser tal-idejn, jevita li jmiss wiċċu u jilbes maskra jew visor.

L-awtoritajiet jissuġġerixxu sabiex jekk in-nies vulnerabbli jkollhom joħorġu, idealment dawn imorru meta t-toroq jew ħwienet ikunu inqas impenjati, u jippruvaw jiksbu l-ewwel appuntament tal-jum.

Assessjar tal-aktar attivitajiet ta’ riskju fost in-nies vulnerabbli juri li l-agħar li jistgħu jagħmlu dawn huwa li jsiefru jew jattendu xi festa, jew saħansitra jmorru ġo xi każin jew għat-tombla ġo sala magħluqa, filwaqt li l-aktar affarijiet siguri li jistgħu jagħmlu huma li jibqgħu d-dar, jitilgħu fuq il-Gozo Channel, iżuru l-ħwienet, mużewijiet, jattendu teatru fil-beraħ jew quddies fil-beraħ. Il-monti huma daqsxejn iktar ta’ periklu minn dawn l-attivitajiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn