Fejn jista’ jitlef il-PN?

Kollox jindika li l-Partit Nazzjonalista qed jistenna li fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jkollu telfa oħra, jekk mhux telfa akbar milli diġà kellu fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

L-elezzjoni fil-Belt Valletta u San Pawl il-Baħar huma ta’ interess partikolari peress li l-marġini ta’ differenza bejn il-partiti kien żgħir ħafna. Dawn jaqgħu f’idejn il-Partit Laburista jekk f’dawn l-elezzjonijiet ikun hemm l-istess xejra li kien hemm fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Post ieħor ta’ interess huwa r-riżultat tal-Mosta fejn il-Kunsill kien daqqa naħa u daqqa oħra. Skont sorsi infurmati, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar intrebaħ mill-Partit Laburista.

Ara x’inhu għaddej fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt irrimarkaw li l-għadd ta’ nies li vvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kien ta’ 60.46% jiġifieri għadd ħafna iżgħar mill-persentaġġ ta’ 72% li vvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-istess sorsi qalu li dan x’aktarx jindika li kien hemm partitarji Nazzjonalisti li vvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għax xtaqu jgħinu biex jitilgħu Roberta Metsola u David Casa li kienu taħt attakki kontinwi mill-Partit Laburista u li l-anqas kienu l-favoriti tal-magna tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-Partit Nazzjonalista ġab l-anqas persentaġġ ta’ voti li qatt ġab f’dawn l-elezzjonijiet tant li kien anqas minn 40%.