Fejn hu Yorgen Fenech?

FILE PHOTO. Jeremy Wonnacott/Malta Government Department of Information/Handout via REUTERS

Read in English.

Skont it-Times of Malta, Yorgen Fenech, in-negozjant u s-sid tal-kumpanija 17 Black reġa’ ġie arrestat wara li lbieraħ filgħaxija ngħata l-police bail. L-arrest seħħ wara li Fenech akkumpanja l-investigaturi fit-tfittxijiet fuq il-jott tiegħu fil-marina ta’ Portomaso f’San Ġiljan.

Huwa qed jiġi interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’bomba fil-karozza li kienet qed issuq f’Ottubru 2017. Fenech ġie arrestat fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu meta allegatament prova jaħrab minn Malta fuq jott tiegħu.

Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li l-investigaturi tawh il-police bail il-lejl li għadda, għax riedu jerġgħu jinterrogawh qabel joħorġu l-akkużi.

Minkejja d-diversi drabi li Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Pulizija, l-unika risposta li rċevejna kienet li “m’għandhom xejn” u li “t-talba tagħna qed tiġi proċessata”. Għal numru ta’ sigħat ma kienx magħruf fejn kien Yorgen Fenech.

Newsbook.com.mt kien infurmat li ftit qabel nofsinhar, Fenech intlemaħ jitlaq minn Portomaso bi skorta tal-Pulizija. Skont rapporti huwa kien mistenni li jmur il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex tissokta l-interrogazzjoni. Madanakollu jidher li dan dan ma mmaterjalizza.

Intant, dalgħodu meta indirizza lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma kienx jaf fejn hu Fenech. Sorsi qrib Newsbook.com.mt qalu li jsibuha diffiċli biex jemmnu dan hekk kif huwa l-Prim Ministru nnifsu li qed jagħti d-dettalji dwar l-investigazzjoni.