​“Fejn hu Joseph Muscat?” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia staqsa fejn qiegħed il-Prim Ministru Joseph Muscat peress li Muscat naqas milli jikkummenta dwar l-aħħar rapporti li ħarġu minn The Daphne Project dwar id-deputati tiegħu.
Delia kien qed jitkellem fuq l-istazzjoni tal-partit tiegħu, NET TV, fejn qal li qed issir ħsara lil Malta minn dawk li qed imexxu l-pajjiż. Qal li Muscat sikwit ikun fuq quddiem biex jitkellem dwar xi proġett ġdid. Però żied jgħid li meta l-għajnejn tal-midja internazzjonali kienu fuq Malta, Muscat kien qed jitkellem dwar il-kannabis.
Delia qal li dak li kien ħiereġ fl-aħbarijiet internazzjonali kienu fatti konkreti.
Ilbieraħ ġie żvelat li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi. Schembri u Mizzi ċaħdu l-allegazzjoni.
Aħbar oħra li ħarġet minn The Daphne Project kienet dwar kif żewġ xhieda li tkellmu mal-ġurnalisti ta’ The Daphne Project qalu li l-Ministru Cardona kien wieħed minn dawk li ġieli ntlemaħ jixrob mas-suspettati tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Delia qal li Keith Schembri qed jgħid li kellu kumpaniji barranin bħala parti mill-pjan ta’ negozju tiegħu filwaqt li Konrad Mizzi qed jgħid li tiegħu kienu strutturi għall-ġid tal-familja tiegħu. Skont Delia, jew qed jigdeb xi ħadd minnhom jew qed jigdbu t-tnejn għax jista’ jkun hemm xi raġuni oħra għalfejn infetħu dawn il-kumpaniji. Dwar Chris Cardona, Delia qal li qed ikun inkonsistenti fir-risposti tiegħu.
Delia qal li l-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’qed jiġri. Fakkar kif il-Gvern ried iwaqqaf id-diskussjoni dwar l-allegazzjonijiet li ħarġu minn The Daphne Project fil-Parlament. Skont il-Gvern, din il-kwistjoni ma kinitx waħda urġenti.
Delia sejjaħ biex tittieħed azzjoni konkreta u qal li l-pajjiż mhux qiegħed qabel elezzjoni. Qal li l-Gvern għandu mandat b’saħtu biex imexxi. “Jekk il-Kummissarju tal-Pulizija ma jridx jagħmel xogħlu, neħħieh” qal Delia lil Muscat.
Delia fakkar ukoll kif il-Pulizija kienet se tibgħat għad-Deputat tal-PN Simon Busuttil biex tkellmu dwar xi strixxuni.
Stqarrija PL
F'reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Partit Laburista qal li "jekk Adrian Delia verament jemmen lil kliemu stess għandu jpoġġi lilu nnifsu għal inkjesta Maġisterjali Indipendenti fuq l-allegazzjonijiet li għamlet fuqu l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwar il-ħasil ta’ flus ġej mill-prostituzzjoni."
The Daphne Project huwa proġett li qed jaħdem fuqu konsorzju internazzjonali ta' 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja fosthom it-Times of Malta, li għandhom il-missjoni li jkomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata.