Fejn fl-Olanda se jsir il-Eurovision 2020? Amsterdam x’aktarx maqtugħa mill-lista!

Ritratt: Andres Putting

Li l-Olanda rebħu l-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Arcade ta’ Duncan Laurence mhix xi aħbar ġdida u dik li ħafna qed jistennew hija f’liema belt se tittella’ l-65 edizzjoni.

Filwaqt li għal ħafna minn dawk li jsegwu l-Eurovision ma tagħmilx differenza essaġġ f’liema belt jittella’ għax minn darhom huwa l-ispettaklu li jkunu jridu jsegwu, dawk li jsiefru ta’ kull sena biex isegwuh ikunu jridu jkunu jafu biex b’hekk ikunu jistgħu jippjanaw minn issa.

Huwa fatt magħruf li malli titħabbar il-belt li se tilqa’ fiha il-Eurovision, il-kmamar fil-lukandi jibdew jiġu bbukkjati mill-ewwel u anki l-prezzijiet tagħhom jogħlew ġmielhom.

Iżda mbagħad hemm il-parti tal-loġistika u biex din issir irid ikun hemm ħafna ħsieb. L-ewwel ma jsir huwa s-sejħa li ssir minn dawk il-bliet interessati, kif fil-fatt sar.

Il-bliet ta’ Utrecht, Arnhem, Leeuwarden, Maastricht, Rotterdam u Amsterdam huma dawk is-sitta li s’issa wrew interess. Minn dawn Amsterdam diġa kien organizza l-Eurovision fl-1970 u l-bliet l-oħra kienu Hilversum (1958) u The Hague (1976 u l980).

Bħalissa huwa ż-żmien ta’ ħafna spekulazzjonijiet u qed jingħad li l-bord tat-turiżmu qed jinsisti li Amsterdam għandha tinqata’ mill-lista. Ir-raġuni li qed tingħata hija li AMsterdam diġa hija destinazzjoni popolari mat-turisti u għalhekk għandhom jieħdu vantaġġ mill-Eurovision li juri li hemm aktar x’tara minbarra Amsterdam fl-Olanda. Wara kollox il-Eurovision huwa l-aqwa reklam għal kull pajjiż li jorganizzah, u l-Iżrael din is-sena taw eżempju ċar mhux biss kif jittella’ spettaklu mill-aqwa, iżda wkoll kif jirreklamaw lil pajjiżhom.

Rotterdam ukoll jixtiequ ħafna jorganizzawh imma għandhom bżonn xi fondi. Iżda l-gvern Olandiż diġa għamilha ċara w tonda li mhu se jkun qed joħroġ l-ebda għajnuna finanzjarja biex jiġi organizzat il-Eurovision Song Contest tas-sena d-dieħla.