“Fejn bnejtu fuq ir-ramel, ibnu fuq il-blat” – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sejjaħ lill-komunità Maltija biex flok fuq ir-ramel tibni fuq il-blat tar-rispett, l-imħabba, tal-integrità u tal-onestà. L-Arċisqof Scicluna qal dan dalgħodu meta l-Isqfijiet Maltin laqgħu lill-pubbliku għall-bdil tal-awguri tal-istaġun tal-Milied fil-Kurja fil-Floriana.

Bħala soċjetà għandna bżonn nirrealizzaw fejn bnejna fuq ir-ramel mingħajr ma nistennew li jiġġarraf kollox u nibnu fuq il-blata tar-rispett, l-imħabba, tal-integrità u tal-onestà.

Filwaqt li qal li faċli tipponta subgħajk lejn dak u l-ieħor biex huma jagħmlu l-passi neċessarji, l-Arċisqof saħaq li dan il-pass għandu jibda minna.

Qal li għandna nieħdu din l-okkażjoni biex nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu lill-ħażin.

Stqarr ukoll li l-kelma ta’ verità ma tistax tkun kelma ta’ mibiegħda filwaqt li l-kelma tal-ġustizzja ma tistax tkun kelma ta’ vendikazzjoni. Huwa fisser kif il-verità u l-ġustizzja jimxu flimkien meta hemm l-imħabba u r-rispett lejn xulxin.

L-Arċisqof ikkwota lill-Isqof Mario Grech meta fil-meditazzjoni tiegħu jfisser il-maxtura bħala l-post li fih Alla jiltaqa’ mad-dnubiet tagħna “għaliex il-kundanna tal-bniedem hija li jiekol il-ħaxix tal-art u Alla jinżel f’din il-miżerja tagħna”.

Huwa qassam kopja tal-verżjoni bil-Malti tal-Ittra Appostolika fuq it-tifsira u l-valur tal-presepju miktub mill-Papa Franġisku.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof irringrazzja lill-Caritas li bħas-snin li għaddew, f’jum il-Milied se terġa’ torganizza l-ikla tal-Milied għal dawk li m’għandhomx ma min iqattgħu dan il-jum qaddis. L-ikla se ssir fil-Kurja.