Feel the Magic of Musical Theatre

Spettaklu mużikali mill-aqwa sar nhar is-Sibt filgħaxija fi Pjazza Sant Wistin Victoria bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra, il-Chorus Urbanus  flimkien mas-solisti tiegħu Hilda Grima,  Yvonne Galea, Ruth Portelli, Fabian Galea, Mario Portelli, Maria Cassar, Antonella Rapa, Geore Borg,  Karl Joseph Buhagiar, Janelle Rapa u Riden Glinofria, u  l-Urbanus Junior Choir bis-solisti żgħar tiegħu Kristen Grima, Gabriel Grech, Nina Debono, Andreas Refalo, Kurt Theuma Xerri, Krista Mercieca, Hannah Vella u Shaniah Portelli taħt id-direzzjoni ta’ Maureen Zerafa u bil-pateċipazzjoni  taż-żeffiena tas-Centre Stage Dance  Academy taħt id-direzzjoni ta’ Natalie Sciortino.

Id-Direttur Mużikali kien Mro Dr John Galea.  L-udjenza sabiħa li attendiet f’Misraħ Sant Wistin setgħet tgawdi diversi siltiet popolari minn għadd ta’ Musicals magħrufa li kienu jinkludu Annie, Miss Saigon, Evita, Cats, West Side Story, Oliver, Sound of Music, Les Miserables, Phantom of the Opera, Oliver u Prince of Egypt. 

Mal-udjenza sabiħa li attendiet kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex, u  xi membri Parlamentari Għawdxin li lkoll kellhom kliem ta’tifħir għal wieħed minn tliet kunċerti li għandhom imhejjija  l-Chorus Urbanus Productions.

Fil-fatt il-preżentatriċi brava Amanda Ciappara Mizzi ħabbret ukoll waqt din is-serata sajfija li fit-18 ta’ Awwissu quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu l-Chorus Urbanus se jkun qed jesegwixxi l-Akathistos, Innu Marjan tal-Knisja Griega li kien inqaleb għall-Malti mill-Isqof Mons Nikol Cauchi b’mużika oriġinali ta’ Mro Dr John Galea.  Kulħadd huwa mistieden għal din l-okkażjoni sabiħa  fis-Sena Marjana fuq iz-zuntier tas-Santwarju ta’ Pinu fit-8.30pm.

L-appuntament ta’ wara mal-Chorus Urbanus Productions se jkun il-Ħadd 6 ta’ Ottubru għall-ispettaklu Feel the Classics u iktar tard, imbagħad, il-Ħadd 15 ta’ Diċembru għall-ispettaklu annwali tal-Milied Magic of Christmas. Ċert li kull min ser jattendi mhux ser jiddispjaċih.

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex