Filmat: Federica lura Malta – Se tirrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision 2014

Tard il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tad-9.40 waslet lura Malta Federica Falzon li ftit sigħat qabel rebħet is-seba' edizzjoni tal-programm Ti Lascio una Canzone.
Fl-ajruport Federica Falzon sabet tilqagħha folla sabiħa ta' Maltin li mhux biss inġabru jagħtuha t-tislima tagħhom iżda ukoll kellhom l-opportunita li jifirħulha personalment għas-suċċess li kisbet għaliha u għal Malta.
Jilqagħha fl-ajruport kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Minbarra l-ġemgħa, it-tfajla sabet ukoll tistenniha l-aħbar li b'rikonoxximent għal dawn is-suċċessi li kisbet tul dawn il-ġimgħat, ġie deċiż li tkun hi li tirrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li se jsir f'Malta fil-15 ta' Novembru li ġej.  F'isem il-PBS, il-kap eżekuttiv Anton Attard awgura lil Federica Falzon u sostna li l-isem tajjeb li Gaia Cauchi għamlet għal Malta ftit xhur ilu bir-rebħa tal-festival, ċerti li se tkompli tagħmlu Federica Falzon fix-xhur li ġejjin.      

Filmat u Ritratti: Daniel Balzan