Aġġornata: Federica Falzon mill-ġdid waqt Ti Lascio una Canzone

23.59:  Il-kanzunetta Granada kantata minn Federica Falzon illejla ma rebħitx l-edizzjoni tal-programm Ti Lascio una Canzone.  Rebħet il-programm il-kanzunetta E Tu kantata minn Vincenzo u Claudia. Minkejja dan, Federica Falzon u s-sieħeb tal-kant tagħha Vincenzo Carni xorta kisbu t-tieni post fis-serata ta' llejla. It-tfajla Maltija terġa' tirritorna fil-programm fil-ġimgħat li ġejjin u fis-serata finali tat-12 ta' April.

22.22: Wara li Federica Falzon u Antonio Carni kantaw il-kanzunetta Granada, mistoqsi dwar l-interpretazzjoni l-kantant Pupo sostna li l-koppja Falzon-Carni tgħinu japprezza ħafna l-istil tal-mużika lirika li rari kien japprezza qabel sema' lit-tfal ikantaw.  Fabrizio Frizzi ddeskriva lid-duo bħala koppja li xħin tismagħha tqanqal emozzjonijiet li diffiċli tispjegahom. Fi tmiem il-vot, anke permezz tal-vot tal-pubbliku, il-kanzunetta tgħaddi għat-tieni fażi tal-programm ta' llejla.

Aktar qabel: Illejla Federica Falzon se terġa' tidher u tieħu sehem waqt l-edizzjoni tal-programm Ti Lascio una Canzone fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan.
 
Wara li l-ġimgħa l-oħra Federica ma' kantatx waqt il-programm minħabba raġunijiet ta' saħħa, illejla tirritorna. Flimkien mas-sieħeb tal-kant tagħha Vincenzo Carni, Federica llejla se tkanta l-kanzunetta Granada. Id-duo se jittantaw xortihom biex għal darb' oħra jerġgħu jirbħu s-serata tal-programm u assiguraw posthom fis-serata finali. 
 
Is-serata finali tal-programm se ssir is-Sibt 12 t' April.  Federica Falzon hija l-ewwel soprano Maltija li qed tieħu sehem fi programm ta' dan it-tip. Hi tfajla ta' 11-il sena minn Ħal Safi u studenta tal-La Voix taħt id-direzzjoni ta' Gillian Attard.