Fearne u Abela qed jidħku bin-nies – Delia

Read in English.

Iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ mexxej tal-PL qed jidħku bin-nies, skont il-Kap tal-PN Adrian Delia.

Delia qal dan waqt intervista fuq NET FM, l-istazzjon tar-radju tal-PN. Hu akkuża lil Chris Fearne u lil Robert Abela li qed jidħku bin-nies għax qed jgħidu li jridu jbiddlu l-affarijiet filwaqt li llum qed jgħamlu mod ieħor u jbierku l-ħażin.

Delia qal li ma jaħsibx li Malta tista’ tasal f’estrem agħar milli tinsab fih bħalissa b’rabta ma’ dak li mhux normali għal pajjiż demokratiku.

Fakkar li Keith Schembri qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qal li mhux biss qed jiġi investigat bħala persuna imma li hemm ukoll investigazzjoni fuq il-funzjoni ta’ Schembri bħala ċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Delia qal li minkejja l-investigazzjonijiet dwar reati serji, il-Gvern lanqas ħareġ xi tip ta’ reazzjoni. Saħaq li ma kienx qed jistenna riżenji abbażi tal-istorja riċenti tal-pajjiż fejn lanqas il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jrid jirreżenja minnufih.

Skont Delia, ma’ kull siegħa li tgħaddi b’Muscat bħala mexxej qed issir aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Delia qal li f’messaġġ ta’ appoġġ lill-kandidat Chris Fearne l-Ministru Joe Mizzi qal li qabel ma kienx hawn daqstant korruzzjoni f’Malta. Fil-fehma ta’ Delia, Mizzi qed jikkonferma li l-Gvern Laburista tal-lum huwa l-aktar gvern korrott fl-istorja ta’ Malta.

Delia kompla jgħid li minkejja dan ma kienx hemm reazzjoni mill-Gvern u li l-grupp parlamentari tal-PL baqa’ jappoġġja lil Muscat. Skont Delia, Malta mhix il-priorità għal dawn id-deputati.

Delia fakkar li reċentament reġa’ mar għand il-President biex jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti ta’ Malta. Qal li appellalu biex jara jekk Muscat kienx għad fadallu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-kamra tar-rappreżentanti. Delia qal li l-President imbagħad ħareġ stqarrija li fiha qal li qed jaqdi dmiru sa fejn jista’. Delia saħaq li l-oppożizzjoni għamlet xogħolha sal-aħħar filwaqt li l-grupp parlamentari tal-gvern m’għamilx l-istess. Qal li minkejja li l-grupp parlamentari tal-PL għandu s-saħħa f’idejh, qed jgħażel biex ma jgħamilx użu minnha.

Delia kompla jgħid kif “kulħadd” qed jgħid li Muscat għandu jirreżenja minnifuh inkluż il-Parlament Ewropew imma li dawk fdati li jieħdu ħsieb lill-pajjiż huma l-uniċi nies li qed jgħażlu li ma jġibux l-interess nazzjonali l-ewwel.

Delia tkellem ukoll dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport dwar Egrant. Qal li fil-kawża ġie ddikjarat li l-Avukat Ġenerali ta’ Malta kiser il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea.

Delia qal li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qed jitħallsu mill-poplu u qed jispiċċaw jaħdmu kontrih.

Delia qal li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-ewwel qorti qalet mod ieħor minflokk irikonoxxa s-sentenza. Il-Kap tal-PN akuża lil Bonnici li qed jigdeb lin-nies peress li l-aħħar kelma hi tal-Qorti tal-Appell.

Delia qal li wara l-ħruġ tas-sentenza, l-Avukat Ġenerali qal li kien qed jagħmel xogħlu.Delia qal li dan ifisser li l-AG li qed jitħallas biex jipproteġi d-drittijiet fundamentali tan-nies qed jiksirhom hu stess u jgħid li huwa xogħlu.

Delia tenna li l-pożizzjoni tal-AG mhix tenibbli. Qal li m’għandux ikun avukat, aħseb u ara avukat ġenerali.

Delia qal ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa sfiduċjat minn kulħadd għaliex anke ż-żewġ persuni li qed jikkontestaw għall-kariga ta’ mexxej tal-PL jinsabu “f’ġirja ta’ min se jkeċċih l-ewwel”.