Fearne u Abela għandhom iwaqqfu x-xogħol fuq is-Central Link – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li ż-żewġ kandidati għal Mexxej tal-Partit Laburista għandhom minnufih jaraw li x-xogħol li beda fuq il-proġett tas-Central Link jitwaqqaf sakemm jintemm l-appell pendenti.

Fi stqarrija, numru ta’ kelliema tal-PN qalu li l-Gvern ħabbar li beda x-xogħol fuq il-proġett tas-Central Link mingħajr ma stenna l-eżitu tal-appell li hemm kontra dan il-proġett. Il-kelliema spjegaw li bħalissa, ir-residenti u l-bdiewa involuti appellaw mid-deċiżjonijiet li jippermettu li dan il-proġett isir. Qalu li se jkun hemm bdiewa li se jitilfu r-raba tagħhom.

Il-PN sostna li jekk Chris Fearne u Robert Abela jonqsu milli jwaqqfu dan l-iżvilupp mela dan ikun ifisser li Gvern Laburista mmexxi minnhom mhux se jkun bil-wisq differenti minn dak immexxi minn Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern beda numru ta’ proġetti ta’ toroq bla ma kellu l-permessi meħtieġa. Qal li l-Gvern iħossu ‘l fuq mil-liġi u “għalhekk jagħmel li jrid”.

Il-PN kompla jgħid li minflok il-Gvern jinvesti f’mezzi alternattivi ta’ transport li jnaqqsu t-tniġġis tal-ambjent, “qed jibqa’ għaddej bl-attitudni li jtellef lill-ġenerazzjonijiet future mit-tgawdija ta’ siġar u r-raba u għalhekk aktar arja nadifa.”

L-istqarrija kienet iffirmata minn David Agius, Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari, Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura, Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ippjanar, u Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Biedja u s-Sajd.