Fearne u Abela b’risposti simili dwar id-drittijiet ċivili

Il-MGRM tistaqsi liż-żewġ kandidati dwar id-drittijiet ċivili

Facebook - Malta Pride

Read in English.

Iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ mexxej tal-PL wieġbu b’mod simili għall-mistoqsijiet li sarulhom dwar id-drittijiet ċivili mill-Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM).

Chris Fearne u Robert Abela wieġbu seba’ mistoqsijiet identiċi. Il-MGRM qalet li fid-dawl tal-bidla fit-tmexxija ta’ Malta drittijiet ċivili jafu jkunu mhedda. Għalhekk l-għaqda tat l-opportunità liż-żewġ kandidati biex jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom.

X’inhi l-pożizzjoni tiegħek fuq id-drittijiet ċivili b’mod generali?

Fearne qal li l-Gvern Laburista m’għamilx biżżejjed dwar dan imma li qatt ma jista’ jsir biżżejjed. Qal li d-drittijiet ċivili joħorġu mis-soċjetà ċivili li l-ħin kollu qed tinbidel. “Id-drittijiet jinħolqu u jinbidlu hekk kif tinbidel is-soċjetà,” qal Fearne.

Abela wiegħed li jekk ikun PM ikompli jaħdem biex Malta tibqa’ tkun pijunier f’dan is-settur.

Inti favur li persuni tal-istess sess jiżżewġu u jibdew familja?

“Iva, u għalhekk dejjem ivvutajt favur,” qal Chris Fearne.

Min-naħa tiegħu, Abela qal, “Jien favur li koppja gay ikollha l-ulied. U favur li jistgħu jaddotttaw.”

Tikkunsidra li treġġa’ lura parzjalment jew kompletament xi dritt ċivili?

Chris Fearne qal li lanqas biss tgħaddilu minn rasu.

Robert Abela saħaq li l-ebda dritt li ngħata m’għandu jitneħħa u minflok trid tkompli l-ħidma fuqhom. Qal li jrid jinvolvi lill-MGRM b’mod sħiħ għal aktar tisħiħ ta’ dawn id-drittijiet.

X’inhi l-pożizzjoni tiegħek fuq il-maternità surrogata (surrogacy)?

“Jien diġà esprimejt ruħu favur surrogacy altruwista – jiġiferi bħala att ta’ imħabba u mingħajr ħlas jew kumpens materjali,” qal Fearne.

Abela jemmen li hemm bżonn diskussjoni dwar is-suġġett. Qal li fil-passat esprima ruħu pubblikament favur is-surrogacy.

Taqbel li persuni li qed jgħixu bl-HIV għandu jibda jkollhom aċċess għal trattament modern u dinjituż? Tikkunsidra li tintroduċi PrEP trials ta’ mediċina preventiva?

Fearne qal li fl-2020 se jidħlu mediċini moderni u mingħajr ħlas għall-HIV. Huwa kommess li jintroduċi l-PrEP fil-“futur qarib”.

“Domanda bħal din inkun nista’ nirrispondiha wara li nikkonsulta mal-Ministru għas-Saħħa, Mr Fearne, u l-bqija tal-Kabinett,” wieġeb Abela.

Taqbel li rġiel li jkollhom relazzjoni sesswali ma’ rġiel oħra għandhom jastjenu minn attività sesswali għal sena qabel ma jkunu jistgħu jagħtu d-demm? Għaliex?

Fearne qal li dan il-perjodu jista’ jitnaqqas għal erba’ xhur wara li jsiru t-testijiet epidemjoloġiċi u jiġu verifikati. Qal ukoll li dawk li jirċievu d-demm għandhom ikollhom moħħhom mistrieħ.

Abela jaraha diskriminatorja meta xi ħadd joħloq stigma fuq persuni gay u jċaħħadhom milli jagħtu d-demm jew joħloq restrizzjoni. Irid jara mekkaniżmu sigur mingħajr distinzjoni bejn individwu u orjentazzjoni sesswali.

Taqbel li fil-klassijet tal-iskola għandu jkun hemm letteratura inklussiva u li tolqot l-ispectrums kollha?

Fearne jaqbel u huwa favur tgħalim lill-istudenti minn età żgħira dwar is-suġġett.

Abela jemmen li trid issir rivoluzzjoni fis-sistema edukattiva sesswali minn età żgħira u “jitneħħa t-taboo darba għal dejjem fuq mezzi ta’ protezzjoni fosthom il-kontraċettivi.”

X’inhi l-MGRM?

Il-Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM) hija għaqda li twaqqfet fl-2001 biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-komunità LGBTIQ.

Fost affarijiet oħra l-MGRM tħaddem in-National LGBTIQ Helpline. Wieħed jista’ jċempel fuq in-numri 21430006 jew 79430006.

Tista’ taqra d-dokument sħiħ tal-MGRM minn hawn: