Fearne se jkun ikkontestat jew le?

Miguela Xuereb

Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal lil Newsbook.com.mt li “Fearne mhux se jkun ikkontestat”, sorsi qrib il-Partit Laburista qalulna li xejn mhu ċert. Fil-fatt Dr Robert Abela, li qed jissemma li jista’ jikkontesta ma riedx jagħti kummenti meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt. Huwa qal li se jagħmel l-intenzjonijiet tiegħu aktar ċari ‘l quddiem.

Diversi jappoġġjaw lil Fearne

Sadanittant kienu diversi l-Ministri u Membri Parlamentari Laburisti li ddikjaraw l-appoġġ tagħhom lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Ministru Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, l-MP Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia u l-eks Ministru Konrad Mizzi, kollha ddikjaraw l-appoġġ tagħhom għal Fearne, uħud minnhom f’ħin qasir wara li ħabbar li ħiereġ għall-mexxej tal-PL. Oħrajn mistenni li jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom fil-ħin li ġej.

Pjan serju jew imxajtan?

Fil-jumejn li għaddew fil-Partit Laburista kien hemm ħidma biex jgħaqqdu l-forzi wara Chris Fearne. Dan kien ifisser li sa nhar l-Erbgħa meta jagħlqu n-nominazzjonijiet li jiftħu t-Tnejn ikun hemm kandidat wieħed u allura l-proċess biex jitlaq Joseph Muscat minn Prim Ministru jgħaġġel, bit-tama li jitlaq f’Diċembru minflok jitlaq f’Jannar.

Fil-Partit Laburista, skont dawk li tkellmu magħna, qed jikber l-għadd ta’ dawk li jixtiequ li Muscat jitlaq kemm jista’ jkun malajr.

Skont dan il-pjan, Fearne kellu jkun mexxej u Prim Ministru, Ian Borg Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari u Robert Abela, Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Aktar kmieni l-Ġimgħa, Robert Abela sejjaħ dan il-pjan bħala “patt imxajtan”.

F’post li tella’ fuq Facebook il-Membru Parlamentari Robert Abela ddikjara “li ma jien lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija, u nbigħ lil pajjiżi u lill-Partit Laburista u l-Laburisti ġenwini, kollox mgħotti wara l-iskuża falza tal-għaqda”.

Iżda sorsi minn kamp oppost għal Abela qalu li l-oġġezzjoni ta’ Abela ma kinitx waħda ta’ prinċipju iżda waħda personali. Huma qalu li huwa ried li jkun id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari, ħaġa li jidher li Fearne ma riedx jaċċetta.

Ian Borg, mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux interessat fil-kariga ta’ Deputat Prim Ministru, ladarba din tiġi vakata jekk Fearne jiġi elett Prim Ministru, Borg qal li bħalissa hemm biss kariga waħda vojta, li hija dik ta’ mexxej. Hu baqa’ ma kkonfermax jekk ikunx interessat f’dan l-irwol iżda tenna mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lil Fearne.

Skont is-sit tal-aħbarijiet Malta Today, Robert Abela kien qed joġġezzjona għal Ian Borg minħabba li dan tal-aħħar kien qrib wisq ta’ Keith Schembri. Newsbook.com.mt kien ħabbar li Keith Schembri kien fil-fatt qed imexxi l-kampanja ta’ Ian Borg għal mexxej tal-Partit Laburista. Iżda sorsi qrib il-PL qalu lil Newsbook.com.mt li mhux eskluż li r-rivalità bejn Borg u Abela għandha l-għeruq tagħha f’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tibni uffiċċju legali fi ħdan l-Awtorità u b’hekk jinqala’ l-barra l-uffiċċju legali ta’ Robert Abela li kien jagħmel xogħol ta’ eluf ta’ ewro għall-Awtorità. L-Awtorità tal-Ippjanar tibqa’ fir-responsabbiltà politika ta’ Ian Borg.

In-nomini għall-mexxej tal-Partit Laburista se jiftħu nhar it-Tnejn u jagħlqu nhar l-Erbgħa. Jekk ikun hemm aktar minn żewġ kandidati isir vot mid-delegati. Iż-żewġ kandidati li jġibu l-aktar voti jiffaċċjaw lill-membri tal-Kungress tal-PL fil-11 ta’ Jannar meta jintgħażel il-mexxej.