Fearne mitlub jiċċara l-pjani għas-saħħa mentali

L-Alleanza għas-Saħħa Mentali (A4MH) qed titlob lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sabiex jikkjarifika l-pjanijiet tal-Gvern għas-settur tas-saħħa mentali.
L-A4MH tittama wkoll li l-Alleanza jkollha aktar involviment fejn tidħol il-kitba u l-implimetazzjoni ta’ strateġija nazzjonali għas-settur tas-saħħa mentali f’Malta.
Filwaqt li jisħqu li huwa tajjeb li l-fondi għar-rinovazzjoni tal-Isptar Monte Karmeli kibru sostanzjalment, l-A4MH tgħid li tinsab inkwetata fuq numru ta’ aspetti fil-pjan li ħabbar il-Ministru.
L-Alleanza tinsisti li pjan fit-tul għall-Isptar Monte Karmeli, li ma jagħmilx referenza għall-impenn sabiex jinbena sptar psikjatriku viċin l-Isptar Mater Dei f’din il-leġiżlatura, jista’ jiġi nterpretat bħala pass sabiex tittejjeb l-infrastruttura ta’ Monte Karmeli għad-detriment li jinbena sptar ġdid.
Kompliet tgħid kif li wieħed itejjeb l-istandards hija biss waħda mill-objettivi għall-bini ta’ sptar ġdid u għaldaqstant tfakkar li hemm affarijiet oħra li għandhom bżonn jingħataw importanza, bħall-ħidma sabiex titnaqqas l-istigma billi tagħmel is-servizzi tas-saħħa mentali aktar mainstream. Temmen li dan jista’ jseħħ biss billi s-servizzi jiġu rilokati fl-isptar ġenerali u għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti.
L-A4MH fakkret fir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fis-sena 2000, kif ukoll il-pjan ta’ azzjoni għas-saħħa mentali tal-WHO bejn l-2013 u 2020 li jinsisti li hemm bżonn bidla fil-mod li wieħed iħares lejn is-saħħa mentali.L-Alleanza insistiet ukoll li hemm bżonn ta’ Crisis Response Team, li għamel referenza għalih ukoll id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-oppożizzjoni quddiem l-isptar Monte Karmeli.